COVID-19
L-UE tilħaq il-mira li sa dan ix-xahar tlaqqam 70% tal-adulti

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von der Leyen iddikjarat li l-UE żammet il-kelma tagħha li sa Lulju tagħti mill-inqas l-ewwel tilqima lil 70% tal-adulti fil-pajjiżi membri.

Hija rrimarkat li 57% tal-adulti fl-istati membri ħadu t-tilqima b’mod komplut u sostniet li dawn iċ-ċifri jpoġġu lill-pajjiżi Ewropej fost tal-ewwel fejn jidħol it-tilqim b’rabta mal-Covid.

Von der Leyen qalet li l-proċess ta’ rkupru mill-pandemija miexi tajjeb madankollu nsistiet li l-pajjiżi tal-UE jridu jimpenjaw ruħhom aktar.

“Il-varjant tad-Delta huwa perikoluż ħafna. Inħeġġeġ lil dawk li għadhom ma ħadux it-tilqima biex jagħmlu dan. Biex jipproteġu lilhom u lill-oħrajn”.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea żiedet li l-UE se tibqa’ tipprovdi tilqim biżżejjed għal kull min irid jitlaqqam.