Barranin
L-UE timmulta lill-Polonja miljun ewro kuljum dwar ir-riformi ġudizzjarji

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ordnat lill-Polonja tħallas €1 miljun kuljum lill-Kummissjoni Ewropea dwar ir-riformi ġudizzjarji.

Dan sakemm ma tibdilx il-liġijiet tal-pajjiż biex ikunu konformi ma’ dawk tal-UE.

Il-Kummissjoni Ewropea ħadet lill-Polonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fejn akkużatha li l-liġi Pollakka dwar il-ġudikatura kienet timmina l-indipendenza tal-ġudikatura tal-pajjiż u kienet inkompatibbli mal-liġijiet tal-UE.

Il-Polonja kienet għaddiet din il-liġi fl-20 ta’ Diċembru 2019 u daħħlitha fis-seħħ fl-14 ta’ Frar 2020. Madankollu l-Kummissjoni Ewropea insistiet li din il-liġi kienet iżżomm lill-Qrati tal-pajjiż milli japplikaw ċertu artikli tal-liġi tal-UE.

Il-multa tidħol fis-seħħ mill-jum li l-Polonja tkun infurmata biha u tibqa’ fis-seħħ sakemm il-pajjiż jibda miexi mal-obbligi tal-UE.