Lokali
Malta tappoġġja direttiva tal-UE li titfa’ piż fuq l-intermedjarji biex kumpaniji ma jevadux it-taxxa

Fil-Kunsill tal-Ministri tal-Finanzi, Malta qablet ma’ regoli ġodda biex il-pajjiżi Ewropej jissikkaw iċ-ċinturin fuq l-evażjoni tat-taxxa mill-kumpaniji. Il-Ministru Edward Scicluna li attenda għal-laqgħa tal-Kunsill, qal lil TVM li Malta ipprotestat għall-mod kif il-ġimgħa li għaddiet issemmiet mill-Kummissarju Ewropew Pierre Moscovici dwar l-evażjoni tat-taxxa u ċċarat il-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward.

Malta appoġġjat emendi għad-direttiva tal-Unjoni Ewropea li tindirizza l-evażjoni tat-taxxa. Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li Malta hija kontra l-evażjoni tat-taxxa u għalhekk qablet li tadotta din id-direttiva li teżiġi obbligi ġodda fuq l-intermedjarji finanzjarji li jużaw prattiċi esaġerati biex il-klijenti tagħhom jiffrankaw it-taxxa.

Edward Scicluna qal li “hawnhekk aħna ftehmna li se nagħmluha illegali għall-banek, accountants, brokers, tax advisors, li jagħtu pariri li b’mod aggressiv, għax li tagħti pariri ta’ kif timminimizza t-taxxa ma jimpurtax, imma li fit-tranżazzjonijiet bejn żewġ pajjiżi tilgħabhom kontra xulxin biex dik il-kumpanija ma tħallasx taxxa, min jagħti l-pariri se jkun illegali u Malta qablet ma’ dan il-prinċipju.”

Il-Ministri Ewropej tal-Ekonomija u l-Finanzi qablu li l-gvernijiet Ewropej jimponu penali fuq intermedjarji li ma jkunux konformi mal-miżuri ta’ trasparenza.

Dan l-iżvilupp seħħ ftit jiem biss wara li l-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi Pierre Moscovici semma lil Malta ma’ sitt pajjiżi li qal qed jippermettu lill-kumpanji jagħmlu pjan aggressiv biex jiskartaw it-taxxa. Il-Ministru Scicluna wera diżappunt b’din l-attitdini tal-Kummissarju Moscovici.

“Malta ma’ 6 pajjiżi oħra ipprotestat mal-Kummissarju Moscovici li dan huwa l-mod kif għandna nimxu billi ssib ftehim u mhux billi jitgħajjru u jsemmu l-pajjiżi. Naħseb dan il-messaġġ wasal ċar għax is-7 pajjiżi li ssemmew għamlu l-punt tagħhom” qal il-Ministru Scicluna.

Il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea ntrabtu li jadottaw l-emendi ġodda kontra l-evażjoni tat-taxxa sal-aħħar tas-sena.

Ara l-kumment sħiħ tal-Ministru Edward Scicluna

Ara wkoll:

Il-Kummissjoni Ewropea tikkonferma l-andament ekonomiku pożittiv li għaddejja minnu Malta

Aħbarijiet Oħra
Xogħol

Ċifri ta’ Jobsplus juru li f’Mejju kien hemm 1,669 persuna jirreġistraw għax-xogħol. L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li dan ifisser tnaqqis fil-qgħad ta’ 6.8% meta mqabbel ma’ Mejju tas-sena l-oħra. Miċ-ċifri…

Lokali

Mill-1 ta’ Jannar 2020 il-kirjiet residenzjali privati ta’ aktar minn sena jridu jibdew jiġu reġistrati online mal-Awtorità tad-Djar u s-sid ma jistax iżid il-kirja b’aktar minn 5% fis-sena. Min ma…

Droga

Ġuvni ta’ 34 sena, li llum ilu sentejn li għeleb il-vizzju tad-droga jirrakkonta l-esperjenza li għaddha minnha minħabba d-droga. Illum il-ġurnata jisħaq li d-droga qatt mhi s-soluzzjoni u jħeġġeġ lin-nies…

Aktar