Lokali
L-UE twissi lil Malta dwar l-applikazzjoni tal-vat fuq il-kiri tal-jottijiet

Fl-aħħar jiem il-Kummissjoni Ewropea reġgħet wissiet lill-Gvern Malti li jekk fi żmien xahrejn ma jibgħatx rispons sodisfaċenti fuq kif qed japplika l-VAT fuq il-kiri tal-jottijiet, tista’ tgħaddi għat-tieni stadju tal-proċedura formali ta’ ksur tar-regoli tal-Unjoni Ewropea. Jekk pajjiż ma jikkonformax, il-Kummissjoni tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Professjonisti involuti f’din l-industrija li qegħdin front wieħed mal-gvern saħqu fuq il-ħtieġa li l-Kummissjoni Ewropea taċċerta li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn stati membri differenti.

Malta hija kkunsidrata minn ta’ quddiem fid-dinja fir-reġistrazzjoni tal-jottijiet u ġurisdizzjoni b’reputazzjoni tajba ħafna għas-servizzi legali u tat-taxxa li toffri lis-sidien.

Dr Alison Vassallo li tmexxi s-sezzjoni tal-jottijiet tal-Kamra tal-Kummerċ spjegat li din l-industrija tħalli ħafna flus f’ħafna setturi li huwa stmat li jilħaq madwar €100 miljun fis-sena u din iċ-ċifra ma tinkludix id-dħul mit-taxxi u r-reġistrazzjoni tal-jottijiet.

“Ovvjament meta inti għandek yacht li jasal Malta apparti l-benefiċċji fiskali ta’ taxxa li toffri l-ġurisdizzjoni hemm numru ta’ industriji li jagħtu lil dawn il-yachts fosthom proviżjonijiet, supplies, marinas, it-tarzna fejn isiru xogħlijiet ta’ riftit u repair services li nagħtu…”

Fir-reġistru tal-bandiera Maltija hemm aktar minn 800 jott li ħafna drabi jinkrew għat-tbaħħir f’ibħra Ewropej jew lil hinn minnha.

Skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropea trid titħallas il-VAT fuq il-kiri tal-jottijiet li jintuzaw f’ibħra tal-Istati Membri. Madwar 12-il sena ilu, Malta bdiet tapplika t-taxxa b’mekkaniżmu simili ħafna għal ta’ pajjiżi oħra bħal Franza u l-Italja.

Sentejn u nofs ilu, il-Kummissjoni Ewropea talbet lil Malta tiċċara l-mod kif kienet qed tapplika l-VAT fuq il-kiri ta’ dawn il-jottijiet. Wara sensiela ta’ taħditiet tekniċi bejn l-awtoritajiet Maltin u l-Kummissjoni Ewropea, kważi sena ilu Malta rrevediet is-sistema li kienet qed tapplika u ppubblikat linji gwida dwar it-taxxa fuq il-kiri tal-jottijiet.

Minkejja dan, ftit tal-jiem ilu l-Kummissjoni Ewropea bagħtet twissija lill-Gvern Malti minħabba l-possibiltà ta’ ksur tal-liġi tal-Unjoni Ewropea fuq il-VAT. Fl-avviż formali, il-Kummissjoni argumentat li l-mod kif Malta qed tapplika l-VAT huwa skorrett u jeħtieġ li t-taxxa tkun ikkalkulata fuq il-hin li l-jott ikun mikri. Il-Kummissjoni talbet ukoll pajjizi oħrajn fosthom l-Italja u Franza biex jirrivedu l-interpretazzjoni tagħhom tal-istess regoli. L-Avukat Vassallo saħqet fuq l-importanza li l-Kummissjoni tassigura li dawn ir-regoli ikun ghal kulhadd l-istess.

“Taċċerta ruħha li jku hemm level playing field u dan jista’ jsir biss jekk ma jkun hemm l-ebda forma ta’ diskriminazzjoni fil-mod kif jiġu applikati l-liġijiet mill-membri stati diversi”

Malta għandha xahrejn biex tgħarraf lill-Kummissjoni Ewropea b’rispons sodisfaċenti ta’ kif se tirrevedi l-applikazzjoni tal-VAT fuq il-kiri tal-jottijiet. Jekk il-Kummissjoni ma tkunx sodisfatta bit-tweġiba, tista’ tibgħat dik li tissejjaħ ‘opinjoni motivata’ li hi talba formali biex il-pajjiż jikkonforma mal-liġi Ewropea qabel mal-Kummissjoni tikkunsidra tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Operaturi fl-industrija qalu lil TVM li huma fiducjuzi li tinstab soluzzjoni.

Aħbarijiet Oħra
Reliġjon

Is-soltu, tard filgħaxija nhar il-Ġimgħa l-Kbira, diversi purċissjonijiet ikunu bdew deħlin lura fil-Knejjes wara li jterrqu fil-qalba tal-bliet u l-irħula. Din is-sena, iżda it-toroq battala. Minflok, saret biss Via Crucis …

COVID-19

Fl-aħħar snin, fil-lejl bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira, kienet issir il-mixja għall-Fondazzjoni Puttinu Cares. Din kienet waħda mill-ħafna attivitajiet li tħassru minħabba l-pandemija tal-COVID-19 li qed iżid mal-piż li…

Kronaka

Illum, fil-Ġimgħa l-Kbira, il-Pulizija ħarġet total ta’ 59 multa lil persuni li kienu qed jiksru l-liġi billi nġabru barra f’qaqoċċa. Skont l-avviż legali LN 112/113 huwa illegali li f’post pubbliku jkun…

Lokali

Il-pandemija ħarbtet ir-rutina tax-xogħol ta’ bosta. Ħafna ħaddiema spiċċaw jaħdmu mid-dar bit-teleworking. Mhux kulħadd iżda jista’ jagħmel dan fosthom il-ħaddiema fl-isptar fejn żiedet il-pressjoni fuq l-infermiera u t-tobba fost oħrajn….

Aktar