Lokali
L-Uffiċċju Nazzjonali ta’ Verifika jirrakkomanda lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tuża aħjar il-midja soċjali għall-pubblikazzjoni tal-avviżi

L-Uffiċċju Nazzjonali ta’ Verifika rrakkomanda lill-Awtorità tal-Ippjanar biex timplimenta pjan strateġiku tat-teknoloġija tal-informatika għas-snin li ġejjin u tuża aħjar il-midja soċjali għall-pubblikazzjoni tal-avviżi li jidhru fil-Gazzetta tal-Gvern.

F’rapport ta’ verifika li analiża l-istruttura ġenerali tal-IT tal-Awtorità tal-Ippjanar li l-Awditur Ġenerali s-Sur Charles Deguara ppreżenta lill-Ispeaker Anġlu Farrugia, instab li l-Awtorità ma kellhiex pjan ta’ kontinwità fl-operat tal-IT u pjan ta’ rkupru tas-sistemi teknoloġiċi. L-Uffiċċju tal-Awditur qal li ladarba jintemmu l-istudji bħala parti minn proġett iffinanzjat minn fondi ewropej, dawn il-pjani jitfasslu mingħajr aktar dewmien.

L-Uffiċċju tal-Awditur innota b’sodisfazzjon l-impatt tar-reviżjoni fis-software użat għall-ipproċessar tal-permessi tal-bini. Mill-banda l-oħra, l-Uffiċċju nnota xi nuqqasijiet fiż-żamma ta’ dokumentazzjoni relatata ma’ każijiet fejn kien hemm bżonn jinkisbu servizzi permezz ta’ direct orders.

Intqal li f’każ minnhom, id-dokumentazzjoni ewlenija ma kinitx disponibbli u f’żewġ każijiet oħrajn minn kampjun ta’ direct orders, il-kuntratti ma kinux disponibbli għall-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali.