Lokali
L-Uffiċċju tal-Awditur b’rekord ta’ rapporti fl-2020

Is-sena li għaddiet, l-awdituri fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika kkonkludew dsatax-il rapport b’investigazzjoni dwar l-operat ta’ għadd ta’ dipartimenti u entitajiet tal-gvern.

Ma’ Television Malta, l-Awditur Ġenerali, Charles Deguara, qal li dan kien rekord ta’ rapporti li ġew konklużi f’sena u ppreżentanti lill-Parlament. L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika laqa’ lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, għal żjara uffiċjali li matulha ġie ppreżentat bir-rapport tas-sena ħidma għall-2020.  .

Fil-preżentazzjoni tar-rapport annwali u r-rapporti finanzjarji tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika għall-2020 lill-Ispeaker Anġlu Farrugia, l-Awditur Ġenerali Charles Deguara ddeskriva s-sena li għaddiet bħala waħda pożittiva minkejja l-isfida tal-pandemija.

“Ħriġna rekord ta’ pubblikazzjonijiet, 19, u dan kien jinkludi ftit minnhom numru sostanzjali ta’ verifiki. Hawnhekk nixtieq nirringrazzja lin-nies tagħna kif ukoll l-auditees tagħna għax bis-saħħa tal-impenn u tal-flessibilità tagħhom kellna riżultati tant tajbin”, qal is-Sur Deguara.

Taħt il-lenti tal-55 awditur f’dan l-uffiċċju, is-sena li għaddiet kien hemm għadd ta’ temi li ġew investigati fosthom l-għoti tas-sit li kien jintuża mill-ITS f’Pembroke u kwistjonijiet marbuta mal-konċessjoni li ngħatat mill-Gvern lil Vitals Global Healthcare. Analizzaw ukoll it-tmexxija ta’ entitajiet governattivi, il-qasam tal-informatika, l-ambjent u s-settur soċjali.

Mistoqsi jekk l-investigazzjonijiet isirux biss fuq suġġetti mitluba mill-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi, is-Sur Deguara wieġeb li l-uffiċċju jieħu wkoll l-inizjattiva hu fuq diversi rapporti.

“Ipprovajna nagħtu stampa sħiħa u ċara tas-sitwazzjoni tal-povertà f’Malta sar improvement qawwi imma hemm pockets li jonqos li bħala pajjiż nindirizzaw sew”, qal is-Sur Deguara.

Mistoqsi kemm jingħata widen għax-xogħol tal-uffiċċju tiegħu, is-Sur Deguara qal li r-rata ta’ kemm qed jintlaqgħu r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dejjem taqbeż it-tmenin fil-mija.  Fi kliemu iżda fadal xi jsir.

Jekk tisaqsini x’inhu l-iskop tax-xogħol tagħkom? Huwa li tissaħħaħ dejjem aktar l-governanza tajba. Aħna nżommu kuntatt tajjeb, għandna a good working relationship mas-settur pubbliku għax fl-aħħar mill-aħħar dik hija biss l-uniku xewqa tagħna biex jibqa’ jissaħħaħ dejjem is-servizz pubbliku fl-aqwa interess taċ-ċittadini.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia rrikonoxxa l-ħidma siewja u ta’ fejda li ssir f’dan l-uffiċċju speċjalment għax ir-rapporti tal-NAO jippermettu skrutinju parlamentari tan-nefqa pubblika. Irrimarka li kemm ilu Speaker poġġa fuq il-mejda tal-kamra 126 rapport.