Lokali
L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali b’taħriġ għall-impjegati tiegħu

L-Awditur Ġenerali Charles Deguara qal li jħoss li l-Uffiċċju tiegħu jgawdi l-awtonomija u l-indipendenza kif xieraq.  Waqt seminar dwar l-awditjar tas-settur pubbliku, Deguara qal li fil-jiem li ġejjin, l-Uffiċċju se jkun għaddej minn taħriġ intensiv biex l-operat tiegħu ta’ skrutinju jissaħħaħ.

Charles Deguara, li ilu jaħdem fis-settur pubbliku għal 40 sena, qal lil tvm.com.mt li jħoss li l-Uffiċċju tiegħu jgawdi l-indipendenza li tixraqlu kemm mill-amministrazzjoni preżenti u anki dik ta’ qabel. Kull sena l-Uffiċċju tal-Awditur jagħmel diversi rapporti dwar l-operat fid-dipartimenti u entitajiet tal-Gvern, uħud b’inizjattiva tiegħu u oħrajn jintalbu mill-Parlament.

Deguara spjega li “aħna ngħixu biex l-implimentazzjonijiet jitwettqu. Jekk il-Gvern jinjora r-rakkomandazzjonijiet tagħna, ix-xogħol tagħna ma jkun fih valur ta’ xejn”.

Il-Gvern fl-aħħar snin beda proċedura li kull sena jagħti rendikont tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Awditur u fejn ma jiġux implimentati jagħti r-raġunijiet tiegħu.

Deguara qal li x-xahar id-dieħel se jibda pjan ta’ taħriġ għall-impjegati tal-Uffiċċju, li huma fost l-oħrajn, accountants, awdituri u ekonomisti, biex ix-xogħol ta’ verifika jissaħħaħ.

Għas-seminar attenda ukoll il-membru Malti fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri Leo Brincat fid-dawl tar-relazzjoni mil-qrib li l-Ufficju tal-Awditur għandu dwar il-programmi finanzjati mill-Unjoni Ewropea.

Brincat qal li x-xogħol tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u tal-Uffiċċji tal-Verifika huwa importanti biex tikber il-fiduċja minn nies fl-Unjoni Ewropea u fl-istituzzjonijiet tagħha li qed jonfqu l-flus taċ-ċittadini Ewropej bil-galbu.

“Naħseb biex din il-fiduċja tintrebaħ, in-nies mhux biss iridu jkunu jafu x’aħna nagħmlu, imma kemm ix-xogħol tagħna huwa rilevanti u meħtieġ u essenzjali stqarr Leo Brincat.

Brincat qal li  fi ftit tal-ġimgħat oħra jinżel Malta mill-ġdid biex jippreżenta r-rapport annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li jagħmel referenza għall-pajjizi membri tal-Unjoni Ewropea, inkluż dwar kif Malta qed tħaddem ir-regoli finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u tonfoq il-fondi Ewropej.

 

Aħbarijiet Oħra
Ġurnali

Ħarsa lejn l-istejjer li nsibu fil-faċċati tal-ġurnali tal-lum il-Ħamis 19 ta’ Lulju. In-Nazzjon jirrapporta li nhar it-Tlieta uffiċjal tal-ħabs spiċċat aggredita, imsawta u migrufa minn priġuniera waqt li din tal-aħħar…

Avjazzjoni

Żvelata d-dehra l-ġdida tal-akbar ajruplan li jtajjar il-bandiera Maltija – Airbus A380 – tal-kumpanija HiFly. L-ajruplan li ġie rreġistrat f’Malta dan ix-xahar iġorr qrib il-500 passiġġier, b’faċilitajiet lussużi għal dawk…

Kultura

Tmien disinjaturi tal-moda, seba’ barranin u Malti, se juru l-kollezzjonijiet il-ġodda tal-ħwejjeġ u l-aċċessorji fil-Palazz tal-Verdala bħala parti minn serata b’tiżwiqa ta’ kultura u moda. TVM tkellem ma’ disinjatriċi Taljana,…

Kronaka

Mara ġiet rikoverata wara li kienet riekba fuq mutur li ħabat ma karozza fil-limiti ta’ Ħal Tarxien. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-6.00 ta’ filgħaxija fi Triq tal-Barrani. Il-Pulizija qalet li mill-ewwel…

Aktar