Lokali
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal jitlob li jittieħdu passi kontra l-missier li kellu lil ibnu minuri miegħu għall-kaċċa

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal esprima t-tħassib tiegħu għall-ġrajja riċenti żvelata mill-filmat meħud u mtella’ onlajn mill-BirdLife Malta li juri minuri qed juża arma tan-nar f’kuntest ta’ kaċċa.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Kummissarju qal li dan huwa ksur ċar tal-Att dwar l-Armi li jippermetti li minuri ta’ ċerta età jużaw armi għal sparar bil-mira iżda mhux għal kaċċa.

L-uffiċċju żied jgħid li dan l-għemil sar bil-barka ta’ u mingħajr superviżjoni adegwata min-naħa tal-adult li qed jakkumpanjah. Sostna li dan jagħmel it-tifel vittma tal-allegat aġir kriminali tal-adult.

L-Uffiċċju sejjaħ biex dan u reati simili jitressqu l-qorti mingħajr dewmien ladarba l-liġijiet maħsuba biex jipproteġu t-tfal huma effettivi biss jekk dawk li jiksruhom jingħataw il-kastig dovut kemm jista’ jkun malajr.

Żied jingħad li huwa ta’ tħassib kbir il-fatt li l-minuri jidher li kien qrib ħafna ta’ arma tan-nar meta din ħadet bi żball u setgħet korrietu serjament.

“Li dan ma ġarax jitfa’ dawl fuq lakuna li hemm fil-liġijiet tagħna li ma jipprojbixxux li tfal jakkumpanjaw adulti f’mawriet għall-kaċċa”, qal l-uffiċċju tal-Kummissarju għat-tfal waqt li sejjaħ lill-Parlament Malti biex jgħaddi l-emendi neċessarji sabiex jingħalaq dak li sejjaħ bħala vojt perikoluż fil-leġislazzjoni tagħna.

L-Uffiċċju temm jgħid li m’għandu ebda pożizzjoni jew aġenda dwar il-kaċċa billi din hija barra mill-kompetenza tiegħu. Qal li t-tħassib tal-Uffiċċju huwa biss li jiżgura li t-tfal ikunu protetti minn kull ħsara fiżika kkaġunata mill-użu ta’ armi.