Lokali
L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni jgħid li Theuma ma kellux impjieg mas-Servizz Pubbliku

L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li minn verifika li saret ma jirriżultax lil Melvin Theuma kellu impjieg mas-Servizz Pubbliku.

B’referenza għal rapporti dwar ittra li allegatament inkitbet minn Melvin Theuma fejn ingħad li huwa ngħata impjieg mal-gvern, intqal li s-Segretarju Permanenti Ewlieni ordna li ssir verifika fir-rekords ta’ ingaġġ mal-gvern, fejn instab li l-isem ta’ Melvin Theuma ma jiffigurax ma’ dawk li kienu impjegati mas-Servizz Pubbliku.

L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni qal li llum stess qed jerġa’ jsir verifikar mill-ġdid tad-data kollha filwaqt li ntalbu wkoll ir-rekords kollha tal-impjiegi mill-entitajiet kollha governattivi.

Intqal li r-riżultati ta’ dan l-istħarriġ se jkunu ppreżervati biex ikunu disponibbli għal kull investigazzjoni kurrenti jew futura.

Temm jgħid li l-pulizija ġiet mgħarrfa dwar dan.