Lokali
L-uffiċjali tal-Pulizija se jibdew jintalbu jagħmlu test tad-droga

L-uffiċjali tal-Pulizija se jibdew jintalbu jagħmlu test tad-droga biex il-Korp tal-Pulizija jipprevjeni l-abbuż tad-droga. Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, qal li l-Korp qed jiġġieled il-korruzzjoni fosthom billi l-uffiċjali tal-Pulizija jistgħu jirrapportaw lil sħabhom dwar reati bla ma jkunu identifikati u mingħajr ma jittieħdu passi kontrihom. Is-Sur Gafà qal li dan kollu qed isir skont l-istrateġija tat-trasformazzjoni biex il-Korp tal-Pulizija jkun iktar modern, trasparenti u kontabbli.

 

Mill-aħħar ta’ din is-sena l-uffiċjali tal-Pulizija se jintalbu jagħmlu test tad-droga. Min jirrifjuta li jagħmel dan it-test, jista’ jitkeċċa mill-Korp. L-uffiċjali kollha se jkunu suġġetti għat-test tad-droga.

Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, spjega li bħalissa għaddejja konsultazzjoni interna fil-Korp biex tidħol fis-seħħ din il-proċedura wara li għaddiet il-liġi mill-Parlament. Is-Sur Gafà qal li l-ħsieb hu li l-ogħla uffiċjali tal-Korp jagħmlu dan it-test tad-droga mill-inqas darba fis-sena.

“Hemm minnhom li tkun mifruxa u ffukata fuq min għandna suspett però hemm minnhom li huma random. L-għan hu li nipprevjenu l-abbuż tad-droga fil-Korp.”

Fil-Korp tal-Pulizija ddaħħlu wkoll miżuri biex tkun miġġielda l-korruzzjoni fil-Korp. Dawn jinkludu fost oħrajn reġistru li fih iridu jitniżżlu r-rigali kollha offruti lill-membri tal-Korp, fosthom dawk li ma jiġux aċċettati mill-uffiċjali u rigali li jingħataw lill-uffiċjali b’intenzjonijiet tajbin.”

Is-Sur Gafà tkellem dwar inizjattivi oħrajn li ddaħħlu fil-Korp biex l-uffiċjali ma jaqgħux għat-tentazzjoni.

“Break the silence hu li b’mod anonimu u mingħajr ma jkun identifikat il-persuna li jkun qed jirrapporta, il-kollega jista’ jirrapporta lil sieħbu. Dik tgħaddi għand uffiċċju partikolari li abbażi ta’ dak isiru l-investigazzjonijiet.”

Dawn il-miżuri huma parti mill-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ skont l-istrateġija ta’ trasformazzjoni tal-Korp tal-Pulizija li daħlet fis-seħħ sena ilu. Is-Sur Gafà rrefera għall-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u qal li wara taħditiet mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin se jsiru korsijiet biex l-uffiċjali jkollhom relazzjoni aħjar mal-ġurnalisti u biex fi kliemu jiġu evitati l-leaks fil-midja.

Waqt li elenka l-miżuri tal-istrateġija li twettqu fl-ewwel sena, il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, qal li l-Korp tal-Pulizija hu iktar fdat mill-pubbliku.

“L-aħħar żewġ Eurobarometers juru li ż-żieda tal-fiduċja tan-nies fil-Korp tal-Pulzija żdiedet b’6% tista’ tgħid f’qasir żmien matul 12-il xahar.”

L-istrateġija tat-trasformazzjoni se titwettaq b’mod sħiħ sas-sena 2025.