Unjoni Ewropea
L-Ungerija se tħallas għat-tagħlim tal-Ingliż f’Malta għal 8,000 student

Laqgħa f’Malta bejn il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tal-Ungerija Peter Szijjártó, kompliet saħħet ir-relazzjoni bejn Malta u l-Ungerija.

Il-Ministru Bartolo esprima sodisfazzjon għall-fatt li Malta ġiet magħżula biex tospita ’l fuq minn 8000 student Ungeriż sponsorjati mill-gvern tal-istess pajjiż biex isegwu korsijiet intensivi tal-lingwa Ingliża f’diversi skejjel madwar pajjiżna.

Fl-istess waqt, iż-żewġ Ministri tennew l-impenn tagħhom biex jaħdmu flimkien għal żieda fit-turiżmu bejn Malta u l-Ungerija u biex jerġa’ jaqbad ir-ritmu pożittiv li kien għaddej fl-aħħar snin, qabel l-impatt tal-pandemija.

Iż-żewġ naħat iddiskutew ukoll is-sitwazzjoni fil-Libja, fl-Afrika, u l-effetti fuq il-Mediterran u l-Ewropa. F’dan il-kuntest, tkellmu dwar il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tħares il-fruntiera tagħha fil-Mediterran u taħdem mal-pajjiżi Afrikani għall-iżvilupp u għall-ħolqien tal-impjiegi fl-Afrika stess.

Iż-żewġ naħat qablu dwar il-bżonn li ssir ġlieda kontinwa kontra t-traffikar tal-immigranti, li jinfetħu ċentri għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-ażil, li jiġu ripatrijati dawk li ma jikkwalifikawx għall-ażil u li tissaħħaħ il-gwardja tal-kosta Libjana.

Waqt konferenza stampa wara l-laqgħa, il-Ministru Bartolo rringrazzja lill-Ministru Szijjártó, wara li dan tal-aħħar iddikjara li l-Ungerija se tkun qed tappoġġa lil Malta fl-elezzjoni tal-2022 għal siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.