Lokali
“L-uniku darba fil-karriera li ħassejt periklu fiżiku għal pajjiżna, periklu għall-ħajja tan-nies” – l-eks PM Gonzi

Bħal għada għaxar snin ilu, żewġ ajruplani tal-gwerra Libjani armati sa snienhom niżlu għall-għarrieda f’Malta. Minn dakinhar, Malta għexet l-effetti ta’ ġar ta’ pajjiż fi gwerra.

Intervistat minn Television Malta, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi spjega għalxiex ma ċediex għall-pressjoni tar-reġim ta’ Gaddafi biex jirritorna ż-żewg Mirages. Qal li żamm ma’ din il-pożizzjoni minkejja theddid u saħansitra ordna li ajruplan ma jitħalliex jinżel Malta għax irriżulta li abbord kien hemm Libjani ġejjin biex jaħtfu l-Mirages u jtajruhom lura. Stqarr li l-kriżi tal-Libja kienet l-uniku mument bħala Prim Ministru li ħass li kien hemm periklu għal Malta.

Fi Frar 2011 ir-Rebbiegħa Għarbija laħqet il-Libja – Is-17 tax-xahar baqa’ mnaqqax bħala l-jum tar-rabja bi protesti u ġlied imdemmi f’diversi bnadi.

L-oppożizzjoni għar-reġim ta’ Gaddafi bdiet tintwera wkoll minn uħud mill-komunità Libjana f’Malta bi protesti quddiem l-Ambaxxata f’Ħal Balzan, iżda l-ġrajja tal-21 ta’ Frar waranofsinhar ħasdet u wriet li l-inkwiet fil-Libja ma kienx għadu biss fuq l-għatba tagħna.

Bdoti ta’ żewġ ajruplani tal-qawwiet tal-ajru Libjani abbandunaw missjoni li kienu fuqha u niżlu Malta mingħajr avviż.

“Lili personali qaluli ħaduha għax ma felħux jobdu l-ordni li ngħatat direttament minn Gaddafi biex jibbumbardjaw raħal żgħir barra minn Tripli talli hemmhekk kienu qed iqumu xi protesti.”

Minnufih irċieva talba formali mill-Gvern Libjan biex l-ajruplani jiġu ritornati. Dr Gonzi jistqarr li dan kien l-aktar mument fejn iħoss li seta’ kien hemm periklu għas-sigurtà nazzjonali.

“Kienu qed jasluli messaġġi ta’ theddid bil-pulit li isma jekk m’intix se tħalli dawk l-ajruplani jiġu lura lejn Tripli allura aħna nirriservaw li nagħmlu l-istess ħaġa bl-ajruplani u bl-assets u l-affarijiet tal-poplu Malti, tal-Gvern Malti.”

Iddeċieda li jikkonsulta mal-Kap tal-Oppożizzjoni, Joseph Muscat.

“Għidtlu din hi s-sitwazzjoni u jien irrid niddeċiedi x’se nagħmel b’dawn iż-żewġ ajruplani. Hu kien qalli jien nifhem id-diffikultà, inti ħu d-deċiżjoni u aħna nappoġġjaw id-deċiżjoni li tkun ħadt. Jiġifieri l-periklu kien hemm għax kieku ma kontx nagħmel dan il-pass.”

“Il-parir legali li kelli kien li dawn l-ajruplani militari u allura huma daqslikieku territorju barrani u allura kellna obbligu li nirritornawhom lura. Jien iddeċidejt li dak kien ifisser li Malta tkun qed trendi ruħha kompliċi ma’ dik il-ħruxija li kienet qed isseħħ u ddeċidejt f’dawk il-ġranet li ma nibagħtuhomx lura.”.

Dr Gonzi jgħid li l-pressjoni mill-Gvern Libjan biex jieħu lura l-Mirages kienet kbira. Jumejn wara l-wasla tagħhom, ajruplan privat li telaq mit-Tuneżija talab permess jinżel Malta minħabba li ntqal għandu sitwazzjoni ta’ emerġenza. Hu qal lit-torri tal-kontroll biex jitolbu lista tal-passiġġieri abbord.

“Ġiet il-lista tal-passiġġiera. Urejnieha dik il-lista lil dawn iż-żewġ piloti li intant kienu qegħdin b’ażil politiku f’Malta, malli raw il-lista dawn, bjadu. U mill-ewwel qalulna dawn hemm żewġ piloti tal-Forzi Armati Libjani. Hemm uffiċjal għoli ħafna. U staff ieħor, xi 6/7 min-nies kienu jiġifieri kien ovvju u ċar li dan l-ajruplan kien ġej Malta biex jaħtfu dawn iż-żewġ ajruplani u jeħduhom lura. U wara għedtilhom, le. Tagħtuhomx permess jillendjaw.”

L-ajruplan dar lura. Mill-bidu nett, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi kien ikkundanna l-vjolenza mir-reġim ta’ Gaddafi u ddikjara li għandu jwarrab. Għaxar snin ilu Malta sabet ruħha f’nofs dan it-taqlib kollu, b’Maltin tilfu xogħol u investimenti li għamlu fil-Libja. Mill-banda l-oħra, il-pajjiż kellu sehem ewlieni fl-evakwazzjoni bl-ajru u l-baħar ta’ eluf ta’ ċittadini li ħarbu mil-Libja u fi sptarijiet Maltin ingħatat kura b’xejn lil diversi li ndarbu fil-ġlied.

“Din tal-Libja forsi kienet l-uniku darba fil-karriera tiegħi li ħassejt periklu anke fiżiku għal pajjiżna, periklu għall-ħajja tan-nies, periklu għall-investiment tan-nies, li però ħriġna minnu. Anke f’diskorsi li saru meta ġiet Hilary Clinton Kastilja kienet għamlet diskors mill-isbaħ tfaħħar lill-poplu Malti u Għawdxi għal li għamilna f’dak iż-żminijiet. Imma iva, it-tweġiba tiegħi hi li dak kien mument fejn stajna ffaċċjajna traġedja u ma ffaċċjajnihiex frott il-għaqal, il-kalma u l-fatt li rbatna kollox mal-valuri li aħna nemmnu fihom.”