Edukazzjoni
L-Università ta’ Malta mal-aqwa elf istituzzjoni fid-dinja

Klassifika ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja madwar id-dinja, poġġiet lill-Università ta’ Malta mal-aqwa elf istituzzjoni.

Ir-Rettur tal-Universita’, Alfred Vella, qal li dan ifisser li fi tliet snin u nofs, l-Università avvanzat kważi erba mitt post. Spjega li l-klassifika tagħti ħafna piż lir-riċerka li twettaq l-università.

“Kwazi 70% tmur għall-kwalità u kwantità tar-riċerka li tagħmel. Ir-raġuni li issa qegħdin viżibbli u qegħdin mal-ewwel 3% ta 28,000 università li hawn fid-dinja, hi għax fil-kamp tar-riċerka minkejja il-limitazzjonijiet li għandna, qed nipproduċu sewwa. We are punching well above our weight.”

Ir-Rettur qal li jittama li fi ftit snin l-Università tkun mal-ewwel 500. Spjega li fattur ewlieni għat-titjib hu l-aċċess għall-fondi Ewropej biex bihom issir aktar riċerka, u ż-żieda fl-impjegati.

“Meta timpjega lil xi ħadd, qed timpjegah biex jgħallem lill-istudenti, iżda fl-istess ħin qed tistenna li jagħmel riċerka u jippublikaha, u r-riċerka tiegħu tigi mxandra.”

Il-Professur Vella qal li l-università qed tinvesti f’aktar laboratorji għar-riċerka fl-oqsma tal-inġinerija, x-xjenza u l-mediċina. Semma riċerki ewlenin li qed isiru fosthom dwar il-kankru fil-qasam tal-mediċina, kif ukoll waħda li tista trendi sew fil-futur.

“Hemm riċerka li tikkonċerna ruħha fl-enerġija rinovabbli mix-xemx u riħ. F’dan il-kamp partikoalri, fiduċjuż li din ir-riċerka tista twassal għal returns tajbin anke għall-università minn dan ix-xogħol.”

Il-Professur Vella qal li għaddejjin negozjati mal-Gvern għal aktar fondi pubbliċi għar-riċerka. Identifika iżda sfida kbira riżultat tal-andament ekonomiku tajjeb li għaddej minnu l-pajjiż, b’anqas żgħażagħ lesti jidħlu għal riċerka fl-università.

“L-ekonomija qed tiġbidhom qisha vacuum cleaner. Qas ikunu spiccaw il-kors ta’ studju li ma jsibux xogħol u jitilqu. Filfatt ħafna mill-istudenti huma barranin, qed inġibuhom f’Malta biex jagħmlu riċekra magħna għax il-lokal mhux itina biżżejjed nies.”

Għen ukoll fi klassifika aħjar għall-universita’ l-fatt li 10% tat-12,000 student f’Tal-Qroqq huma barranin u hemm anke għadd ta’ impjegati barranin. Mistoqsi dwar aktar spazju, ir-rettur qal li qed jaraw kif jistgħu jiżviluppaw artijiet li ġew f’idejhom, fosthom f’Marsaxlokk fejn hemm pjani għal laboratorji għall-enerġija li tiġġedded.