Lokali
L-Università ta’ Malta tingħata €75,000 biex twettaq riċerka dwar l-ispazju

Id-dipartiment dwar l-istudji tal-ispazju se jingħata €75,000 biex iwettaq riċerka u esperimenti marbuta mal-ispazju. Dan wara ftehim li ġie ffirmat illum bejn l-Università ta’ Malta u l-Ministeru tar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

Fl-Università ta’ Malta, hemm dipartiment li huwa kompletament iddedikat għall-istudju tax-xjenza spazjali u l-astronomija.

Permezz ta’ ftehim li ntlaħaq mal-Ministeru tar-Riċerka u l-Innovazzjoni, dan id-dipartiment se jibbenefika minn €75,000 biex fost l-oħrajn iwettaq esperimenti innovattivi.

Id-direttur tad-dipartiment, Kristian Zarb Adami spjega li l-eżerċizzju huwa ibbażat fuq it-tlugħ ta’ bużżieqa spazjali fl-atmosfera madwar 40 kilometru ‘l fuq minn Malta, li se tieħu kampjuni mill-atmosfera ta’ Malta.

“Għalissa qed nistudjaw affarijiet kif intellgħu l-affarijiet fl-ispazju biex inkunu nistgħu nistudjaw anki l-atmosfera tagħna u naraw l-environment tal-kimika u l-atmosfera above Malta jiġifieri llum parti minn dan il-proġett speċifikament intellgħu space weather balloon.”

Mill-fondi se jkunu allokati wkoll €25,000 għall-inizjattivi fl-Università ta’ Malta biex iħajjru studenti u gradwati żgħażagħ jispeċjalizzaw f’dawn l-istudji u jipproponu proġetti f’dan il-qasam.

Il-Ministru għall-Innovazzjoni u r-Riċerka Owen Bonnici qal li ir-riċerka spazjali m’għadhiex titqies bħala xi ħaġa tal-fantaxjenza, b’kollaborazzjonijiet ma’ universitajiet u aġenziji reputabbli isarrfu f’avvanzi għal Malta f’dan il-qasam.

“L-ispazju huwa opportunità kbira ħafna biex il-ħajja tal-bniedem tkompli timxi ‘l quddiem biżżejjed inġib eżempju bis-satelliti li jintużaw per eżempju biex wieħed jikkomunika għas-sigurtà tal-pajjiżi u se nagħmlu strateġija dwar l-ispazju u kif bħala pajjiż se nimxu fil-futur fejn jidħol dan is-settur.”

Il-Ministru Bonnici qal li l-Gvern mistenni jħabbar l-istrateġija spazjali sal-aħħar tas-sena li hija mmirata li tikkrea iżjed opportunitajiet għal riċerka u impjiegi f’dan il-qasam.