Ambjent
L-Università u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet bi ftehim ta’ ħidma flimkien

L-Università ta’ Malta u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet se jsaħħu l-kollaborazzjoni bejniethom sabiex ikunu jistgħu jaħdmu flimkien fuq diversi proġetti fosthom tal-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali.

Waqt l-iffirmar tal-ftehim il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg qal li l-kollaborazzjoni se tgħin sabiex il-pajjiż ikompli jegħleb sfidi bħalma huma l-bidla tal-klima kif ukoll il-ħtieġa għal żvilupp aktar sostenibbli u infrastruttura aktar ħadranija

Il-kollaborazzjoni bejn ir-riċerka u x-xogħlijiet li jsiru madwar il-pajjiż, speċjalment dawk li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent, kompla jissaħħaħ permezz ta’ ftehim bejn l-Universita ta’ Malta u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet.

Waqt l-iffirmar tal-ftehim il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana tkellmet dwar l-importanza li l-Ministeru qed jagħti biex l-istudenti jingħataw aktar opportunitajiet biex dak li jkunu qed jitgħallmu, jipprattikawh ukoll fuq il-postijiet tax-xogħol.

Hija qalet li huwa importanti li tkompli l-ħidma biex ikun hemm work placement ta’ studenti unviersitarji biex jieħdu esperjenza fuq post tax-xogħol li jkun marbut mal-istudji taghhom.

Hija qalet li mill-banda l-oħra l-Università ta’ Malta se tkun qed tagħti l-kontribut tagħha biex twassal l-għarfien tar-riċerka lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet.

Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg qal li l-ftehim se jwassal biex diversi proġetti, anke tal-portata tal-Park Nazzjonali f’Ta Qali, isiru mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet b’għarfien akbar għall-ambjent.

“L-akkademiċi, l-istudenti fuq naħa u n-naħa l-oħra x-xogħlijiet … li dejjem għaddejjin … minn spazju miftuħ ġo komunita żgħira għall-Malta National Park. Mill-kosta u l-protezzjoni u konservazzjoni tagħha sa arkivji imprezzabbli. Din hija l-ħidma tal-Public Works u l-ħidma tat-tnejn li huma hija kruċjali li jkompli jkun hemm kollobarazzjoni bejniethom”.

Il-Ministru Borg żied jgħid li dan il-ftehim huwa pass ieħor ‘il quddiem biex il-pajjiż ikun jista’ jegħleb iktar sfidi attwali bħalma huma l-bidla tal-klima kif ukoll il-ħtieġa għal żvilupp aktar sostenibbli u infrastruttura aktar ħadranija.