Lokali

L-Università u l-MATSEC favur miżuri biex jgħinu studenti b’diżabbiltà

L-Università ħadet nota tar-rapport tal-kummissarju għall-edukazzjoni fl-Uffċċju tal-Ombudsman biex tiffaċilita l-eżamijiet tal-Matsec għal studenti li għandhom xi kundizzjoni.

Il-Pro Rettur tal-Università Carmen Sammut u d-Direttur Eżekuttiv tal-Bord tal-MATSEC, Dario Pirotta qalu li kemm l-Università hija favur li żżid l-aċċessibiltà kif ukoll il-Bord tal-Matsec, iżda mingħajr ma tkun imminata l-integrità tal-università u tas-sistema tal-eżamijiet.

Studenti li għandhom il-kundizzjoni tad-discalculia se ikunu jistghu jidħlu ghal kors tal-liġi anke minghajr certifikat fil-livell ordinarju fil-matematika li sal-lum kien obbligatorju ghal kull kors fl-università.

Il-Pro Rettur tal-Università Carmen Sammut qalet li din hi waħda mid-deċiżjonijiet tas-senat tal-università biex ineħħi ostakli għal ħajja akkademika għal persuni li għandhom xi kundizzjoni. Dr Sammut qalet li l-Università tilqa’ ħafna mir-rakkomandazzjoni li dan l-aħħar għamel il-Kummissjarji għall-Edukazzjoni fl-Uffiċċju tal-Ombudsman iżda stqarret li mhux ir-rakkomandazzjonijiet kollha jistgħu jitwettqu minnufih.

“Hemm affarijiet li jirrikjedu diskussjonijiet fit-tul u deċiżjonijiet. S’issa konna nassumu li min jasal sa università ħa jkun indipendenti biex isegwi l-courses. Imma hemm rakkomandazzjonijiet li jkun hemm follow-up support waqt li jkunu l-università,” qalet Dr Sammut.

Dr Sammut qalet li f’kull każ, l-università titlob dokumentazzjoni uffiċjali dwar il-kundizzjoni partikolari tal-istudent. “Hemm rakkomandazzjonijiet li nixtiequ nagħmluhom imma għandna bżonn il-fondi. Taħrig għal-lecturers fejn ikollok xi ħadd awtistiku fil-klassi li jkollu bżonn certu għajnuna… l-arranġament fil-klassi għan-nies li jbatu b’dyslexia.”

Il-Pro Rettur qalet li kull sena ikun hemm mal-mitt każ ta’ studenti b’kundizzjonijiet differenti li jkunu jixtiequ jsegwu korsijiet fl-università.

Id-Direttur Eżekuttiv tal-Matsec Dario Pirotta qal li l-kumitat tas-senat li jagħmel l-arranġamenti għall-ezamijiet tal-istudenti b’xi kundizzjoni bhal l-awtizmu u ADHD, johrog linji gwida dwar l-ghajnuniet li jinghata izda sahaq dan irid isir mninghajr ma itellef l-integrita tal-eżami.

“L-ombusdman semma’ calculators u kompjuters. Dawn jingħataw f’eżamijiet li s-sillabu jħallina li ngħatuhom. Il-kompjuters jingħataw fejn il-professuri jgħidu li student isibhom ta għajnuna. Aħna l-importanti naraw li l-istudent ma jiħux vantaġġ aktar minn studenti li m’għandhomx dawn l-arranġamenti,” spjega Pirotta.

Is-Sur Pirotta qal li l-bord tal-MATSEC ħa deċiżjoni li l-istudenti ma jiġux penalizzati għal żbalji grammatikali f’suġġetti li m’humiex ta’ lingwa. Żied jgħid iżda li żbalji grammatikali f’eżami dwar il-ħiliet lingwistiċi tal-istudent ma jistgħux jgħaddu qishom xejn mhu xejn.