MEUSAC
L-Unjoni Ewropea u l-Intelliġenza Artifiċjali

It-teknoloġija fl-era diġitali saret importanti daqs l-ikel u x-xorb, b’bidliet mgħaġġla ħafna li qed jibdlu l-mod kif nikkomunikaw, ngħixu u naħdmu. Illum nitkellmu fuq il-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ sistemi kompjuterizzati li tkellimhom u jagħmlu li tgħidilhom, u fuq tagħmir intelliġenti li jaġixxi bħall-bniedem, bħal pereżempju karozzi li jimxu weħidhom jew kompjuters li jittraduċu l-lingwi awtomatikament.

Waqt li qed taqra dan l-artiklu, taf jew ma tafx, qiegħed tagħraf il-kliem magħqudin f’sentenzi u moħħok qiegħed jipproċessahom biex jifhem il-ħsieb warajhom u tifforma stampa jew idea minnhom. Imbagħad tista’ tibqa’ tiftakar jew tinsa, jew tiddeċiedi li tagħmel xi ħaġa fuq dak li tkun qrajt jew tgħallimt. Hekk taħdem l-intelliġenza artifiċjali.

L-intelliġenza artifiċjali tikkonsisti f’sistemi li jiffunzjonaw b’mod intelliġenti u indipendenti bħalma jagħmel il-bniedem. Dan huwa pass iktar avvanzat milli sempliċiment proċess ta’ magna li waħedha tagħmel ix-xogħol tal-bniedem. Hija kwistjoni ta’ tagħmir li jipproċessa, jirraġuna u jirreaġixxi kif ikun programmat għal dak li jkun qed jiġri.

L-Unjoni Ewropea trid tkun fuq quddiem biex tuża dawn is-sistemi bl-aħjar mod biex jinstabu soluzzjonijiet għal sfidi f’oqsma bħas-saħħa, il-biedja, is-sigurtà u l-manifattura. Min-naħa l-oħra, irid jinstab bilanċ biex dawn is-sistemi jservu l-bniedem u l-ekonomiji u mhux bil-kontra.

Il-ħidma tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam, minn naħa tagħraf il-potenzjal tal-intelliġenza artifiċjali u min-naħa l-oħra ssib bilanċ bejn l-użu tad-data li fuqha huma bbażati dawn is-sistemi, u l-ħarsien tal-privatezza, is-sigurtà u stantards għolja ta’ etika. F’Diċembru 2018, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri qablu fuq pjan koordinat biex isostnu l-iżviluppi li qegħdin iseħħu fl-intelliġenza artifiċjali.

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda wkoll iżżid l-investiment fis-settur b’70% mill-fondi tal-programm kurrenti għar-riċerka u l-innovazzjoni – Horizon 2020. Dan ifisser madwar €1.5 biljun għas-snin 2018-2020. Dan l-investiment għandu jżid l-inizjattivi ta’ innovazzjoni fl-intelliġenza artifiċjali mill-Istati Membri u s-settur privat fl-Unjoni Ewropea.

Biex dan l-investiment jirnexxi aktar, irid isir ukoll investiment akbar fin-nies permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħiliet li huma bbażati fuq sistemi diġitali u kumplessi li jitolbu ħiliet adekwati. Hawn l-Unjoni Ewropea għandha wkoll pjanijiet ta’ azzjoni fl-hekk imsejjaħ il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali. Dan il-Pjan isaħħaħ l-isforzi tal-Istati Membri fuq tliet pilastri: l-użu aħjar tat-teknoloġija diġitali fit-tagħlim; l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali; it-tħaddim tad-data u l-għarfien tat-teknoloġiji l-ġodda ball-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika, il-cloud computing u l-blockchain.

Quddiem dan kollu għandna bżonn nagħrfu aktar li t-triq ’il quddiem hija li ma nkunux passivi imma naraw kif nistgħu nħejju ruħna għall-bidliet mgħaġġla li jiġru madwarna. Il-ħiliet diġitali huma mhux biss meħtieġa imma essenzjali għall-futur, daqskemm huwa fundamentali li tkun taf taqra u tikteb.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Grupp ta’ 22 immigrant ġew ikkundannati 9 xhur ħabs u mmultati €800, wara li nstabu ħatja li ħadu sehem f’rewwixta fiċ-ċentru tad-detenzjoni f’Ħal Safi. Il-każ seħħ fis-sitta ta’ dan ix-xahar…

Qorti

Fix-xhieda tiegħu waqt l-inkjesta pubblika indipendenti fid-delitt tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia, il-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà Joseph Bugeja qal li l-MSS kien jiddiskuti l-investigazzjonijiet waqt il-Kunsill tas-Sigurta li jinkludi fih l-Prim Ministru,…

Saħħa

L-esperti tal-klima jisħqu li l-azzjonijiet ta’ kull persuna qed jaffettwaw ir-rata tat-tibdil fil-klima, u li kulħadd jista’ jieħu passi żgħar biex irażżan l-effetti ta’ dan il-fenomenu. Hekk qed jagħmlu l-professjonisti…

Kultura

Għomorhom u żmienhom fis-sengħa ta’ mastrudaxxa, l-aħwa anzjani Julius u Charles Sacco, ser ikollhom ir-responsablità li jaħdmu mill-ġdid l-Ark Trinjunfali tal-Floriana li kien inqered f’April li għadda wara li ngħata…

Aktar