Droga
L-użu tad-droga ma naqasx fil-pandemija – kampanja edukattiva għaż-żgħażagħ dalwaqt

Fiż-żmien li ġej il-Gvern ser iniedi kampanja kontra l-użu tad-droga u sustanzi illeċiti fost iż-żgħażagħ u l-adolexxenti. Il-kampanja hija mmirata wkoll għall-ġenituri u l-edukaturi biex jindunaw jekk adolexxenti hux jabbużaw mid-droga.

Diversi studji juru li l-użu tad-droga ma naqasx fi żmien il-pandemija. Għaldaqstant, il-Gvern ħass il-ħtieġa li titħejja strateġija biex jitfassal pjan edukattiv indirizzat l-aktar lejn adolexxenti biex jifhmu li ma għandhomx imissu mad-droga. Il-kampanja “Qegħdin hawn biex ngħinuk u mhux biex niġġudikawk” hija mmirata wkoll lejn il-ġenituri u l-edukaturi biex ikunu jistgħu jidentifikaw sinjali fl-adolexxenti li qed imissu mad-droga ħalli jingħataw l-għajnuna kemm jista’ jkun malajr.

“Tliet messaġġi li rrid nislet huwa l-messaġġ li m’aħniex hawn biex niġġudikaw, ħadd ma għandu dritt jiġġudika lil ħadd, it-tieni messaġġ kemm huwa importanti li noħorġu jdejna u nirrealizzaw li hemm bżonn l-għajnuna tagħna, l-aħħar messaġġ li rrid ukoll lill-persuni li għandhom din l-issue , il-fatt li tiġi għall-għajnuna ma jfissirx li inti dgħajjef jew li ċedejt, ifisser li għandek il-kuraġġ li tersaq ‘il quddiem u negħlbu din l-isfida flimkien,” fisser il-Ministru Michael Falzon.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li l-kampanja kontra l-użu tad-droga u sustanzi lleċiti ser issir b’investiment ta’ €90,000 li ser jinħarġu mill-Aġenzija Komunità Malta.

“L-aġenzija komunità Malta, li hija responsabbli miċ-ċittadinanza kollha f’pajjiżna, qed tiffinanzja din il-kampanja fuq il-vizzji. Ilna ħafna ma jkollna kampanja bhal din fuq l-addictions f’pajjiżna li ser tilħaq id-90,000 ewro u aħna nemmnu li dawn huma t-tip ta’ kampanji li l-aġenzija komunità Malta twieldet għalihom, mela minn banda qed inġibu investiment barrani dirett sabiex insostnu l-ekomonija tagħna imma naraw li l-ġid jasal fuq dawk il-kampanji li nemmnu fihom.”

Il-kampanja ser issir fuq il-mezzi kollha tal-komunikazzjoni, l-aktar fuq il-midja soċjali, bil-kollaborazzjoni tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (l-FSWS), l-Agenzija Sedqa, l-Addictions Advisory Board u Caritas Malta.