Ippjanar u bini
L-użu tal-mudell ‘Doughnut’ għall-ħolqien ta’ Malta sostenibbli

Waqt il-Malta Sustainability Forum ta’ din is-sena, fost l-oħrajn, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, Michelle Piccinino se titħaddet dwar il-benefiċċji li Malta tista’ tikseb jekk fil-proċess tal-ippjanar tagħha taddotta l-mudell ekonomiku ‘Doughnut’. Mudell ekonomiku, li jżewweġ il-kunċett tal-limiti planetarji ma’ dak tal-limiti soċjali.

F’intervista f’dawn l-aħħar jiem, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, Michelle Piccinino saħqet li l-ERA bħalissa qiegħda fil-proċess li tlesti l-Istrateġija dwar l-Iskart tal-Kostruzzjoni u t-Twaqqigħ tal-Bini li tinkludi diversi miżuri li se jinkoraġixxu l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ materjal tal-bini riċiklat li bħalissa qed jintrema.

Is-Sinjura Piccinino qalet li l-ERA diġà qed tapplika l-mudell ‘Doughnut’ fl-azzjoni progressiva tagħha fi ħdan l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ambjent. Spjegat, li l-Gvern qed jaħdem sabiex b’mod inkrementali jikseb kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd fi żmien 30 sena.

Il-perit Piccinino tenniet li bħalissa 28.9% ta’ Malta tikkonsisti f’siti Natura 2000 intiżi sabiex iħarsu l-bijodiversità tal-ġżejjer tagħna u l-ekosistemi naturali ta’ xtutna waqt li fl-istess ħin jipprovdu wħud mill-elementi essenzjali bażiċi għall-benesseri tal-popolazzjoni. Fir-rigward tal-ibħra tagħna, żiedet tgħid li n-network taż-Żona tal-Baħar Protetta ta’ Malta jkopri 35.5% tat-total, li jiġi bejn wieħed u ieħor 13-il darba daqs il-medda tal-art.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi stqarret ukoll li sfida oħra kbira li għandha quddiema l-ERA hi li taħdem ma’ entitajiet u partijiet ikkonċernati fis-settur tal-iżvilupp biex jiġi żgurat ambjent urban b’saħħtu u bbilanċjat li jipprovdi l-ħtiġijiet bażiċi ta’ kenn u kumditajiet oħra neċessarji kif ukoll ambjent tajjeb għal saħħitna.

“Sfortunatament għadna ma rrealizzajniex il-benefiċċji li niksbu jekk ngħixu skont il-limiti tagħna u li hemm bżonn li kull individwu u kull pajjiż jagħmel il-parti tiegħu. Nemmen li għandna l-istruttura neċessarja biex nassiguraw il-bilanċ li jeħtieġ li nsibu jekk irridu nevitaw li nħallsu prezz qares,” qalet Piccinino.

Il-Malta Sustainability Forum ta’ din is-sena se jitnieda onlajn fil-25 ta’ Jannar u jkompli f’avveniment fuq ħamest ijiem sad-29 ta’ Jannar. Biex tirreġistra jew issegwi l-aħħar aġġornamenti tista’ żżur dan is-sit.

Dan huwa artiklu bi ħlas.