Ambjent
“Lanqas ċans ixenxlu l-għeruq!” – Siġar jinsterqu ftit wara li tħawlu

Siġar li tħawlu fi triq li tgħaqqad iż-Żejtun ma’ Ħaż-Żabbar insterqu ftit jiem wara li tħawlu.

Fuq il-midja soċjali s-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar, Jorge Grech, qal li min seraq dawn is-siġar lanqas tahom ċans ixenxlu l-għeruq, u staqsa kif għad hawn min jasal jagħmel azzjonijiet bħal dawn b’detriment għal pajjiżu.

Triq San Ġużepp, li fuq in-naħa taż-Żejtun tiżbokka biswit dik magħrufa bħala taċ-Ċawsli, hija triq li minbarra vetturi, minnha jgħaddu kuljum persuni biex jippassiġġaw jew isuqu r-rota.

Il-ġimgħa li għaddiet il-Kunsilli Lokali taż-Żejtun u ta’ Ħaż-Żabbar inawguraw l-ewwel minn 300 siġra taż-żebbuġ li qed jitħawlu hawn bħala parti minn proġett ta’ tisbiħ bl-appoġġ ta’ Infrastructure Malta.