Saħħa
“Lanqas kieku bigħt id-dar ma kien ikolli biżżejjed flus għall-kura tal-kanċer”

Omm ta’ żewġt itfal li erba’ snin ilu nstab li għandha kanċer f’sidirha tistqarr li għadha ħajja grazzi għall-eluf ta’ ewro li ngħatat mill-fondazzjoni Malta Community Chest Fund għall-kura li tieħu kull tliet ġimgħat, u li fi kliemha lanqas jekk tbigħ id-dar tagħha ma setgħet qatt tħallasha.

Maria Mariella Attard tirrakkonta kif meta kienet tara l-Istrina, tat donazzjoni żgħira iżda qatt ma bassret li kienet se tieħu l-għotja lura f’aktar minn miljun darba.

Maria Mariella Attard dejjem titbissem u l-passjoni tagħha tisma’ u tgħin lin-nies, kif wara kollox huwa xogħolha full-time.

Erba’ snin ilu ħajjitha nbidlet mil-lejl għan-nhar meta waqt li kienet qed tinħasel ħasset bħal boċċa żgħira f’sidirha li malajr rriżultat fil-bidu ta’ battalja kiefra ħafna. “Kont qed inġorr mostru ġo fija, mostru li kważi kien se jkissirli ħajti… Il-kanċer kollox hu, il-kanċer mostru ikrah li ma jħallikx tħobb lill-familja tiegħek u lil uliedek, tara żewġt itfal jibku għal ommhom… mhux ċajta hux.”

B’kumbinazzjoni lejlet din l-intervista, is-Sinjura Attard irċeviet l-aħbar sabiħa li x’aktarx hija ħielsa mill-kanċer. Madankollu, it-tobba wissewha li l-battalja ma ntemmitx għax jaf għad hemm traċċi żgħar ħafna tal-kanċer.

Għalhekk s’issa l-uniku garanzija biex tibqa’ ħajja hija li kull tliet ġimgħat tibqa’ tirċievi kura ta’ eluf ta’ ewro. “Eluf kbar, eluf kbar jiġifieri, li kieku jkolli nbigħ id-dar lanqas ikun biżżejjed.”

Din il-kura qed tiġi ffinanzjata mill-Malta Community Chest Fund Foundation, li Maria qatt ma ħolmot li xi darba se tiġi bżonn. “Jien forsi b’dik il-€50 jew €10 li tajt issa ġiet għal miljun darba, issa minn jaf kemm se jkun hemm warajha, illum il-familja tiegħi, għada l-familja ta’ dak, pitgħada l-familja tal-ieħor, ma tridx tiċċajta mal-Community Chest Fund, trid ittiha, issa għandek dak il-ktieb tal-bank u mill-paga se tfaddal xi ħaġa biex issibha ‘l quddiem.”

Minħabba l-pandemija, il-fondi tal-Community Chest Fund naqsu drastikament u l-Ħadd li ġej se ssir maratona ta’ ġbir ta’ fondi minn nofsinhar sa nofsillejl li se tixxandar fuq l-istazzjonijiet lokali tat-televiżjoni, fosthom TVM, bil-għan li l-Fondazzjoni jkollha biżżejjed flus biex tkompli tgħin persuni bħal Maria u mijiet oħra li tant jinħtieġu għajnuna.

“Mela ejja nagħmlu kuraġġ kulħadd familja waħda, indaħħlu idejna fil-but u kemm hemm joħroġ,” appellat Maria.

Aħbarijiet Oħra

Wara li s-sena l-oħra, Duncan Laurence rebaħ il-Eurovision l-Olanda kienet ħerqana sabiex tospita u torganizza l-Eurovision 2020. Madankollu, minħabba l-COVID-19 il-pjanijiet ma marrux kif wieħed xtaq u stenna. Il-pandemija waslet…

Il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mal-plejer Maltija ta’ US Sassuolo, Haley Bugeja, fil-Berġa ta’ Kastilja. Il-Prim Ministru tenna li Bugeja qed tagħmel mhux biss isem għaliha, iżda anke isem għal…

Wara s-suċċess tal-linja l-ġdida fil-kumpless ta’ Sant’Antnin, fejn qed jiġi magħżul l-iskart riċiklabbli u l-esportazzjoni ta’ 6,550 tunellata ta’ ħġieġ, il-gvern, permezz tal-WasteServ, qed ikompli b’determinazzjoni jtejjeb ir-rata tar-riċiklaġġ. Bħalissa…

Aktar