Budget
Laqgħa mal-imsieħba soċjali bi preparazzjoni għall-budget ta’ rkupru

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna flimkien mal-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela ltaqgħu mal-imsieħba soċjali bi preparazzjoni għall-budget ta’ rkupru li se jitħabbar nhar it-Tnejn 8 ta’ Ġunju 2020.

Il-Ministru Abela ħeġġeġ lir-rappreżentati ta’ min iħaddem u l-ħaddiema, sabiex kulħadd jibqa’ jaħdem flimkien  għal din in-normalità l-ġdida. Huwa qal li permezz ta’ dan il-bagit, il-Gvern ser ikun qiegħed ikompli jistimula l-ekonomija tal-pajjiż. Baġit li ser jagħtina stampa ta’ fejn qegħdin bħalissa u li ser jikkumplimenta il-‘war chest’ li l-Gvern kellu għad-disposizzjoni tiegħu tul il-pandemija.

Il-Ministru Scicluna spjega kif minkejja l-imxija tal-COVID-19, Malta rreġistrat tkabbir fil-Prodott Domestiku Gross fl-ewwel kwart ta’ din is-sena meta mqabbel mas-sena l-oħra. B’riżultat t’hekk, Malta ġiet iklassifikata fost dawk il-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea l-inqas affetwati ekonomikament mill-pandemija globali. Dan ir-riżultat pożittiv irrifletta d-diversifikazzjoni wiesgħa tal-ekonomija Maltija, fejn il-prestazzjoni tajba tas-setturi tal-kostruzzjoni u l-manifattura kif ukoll is-setturi finanzjarji, tal-informatika u dawk professjonali, ikkumpensaw għad-daqqa li ħadu setturi bħat-trasport u l-akkomodazzjoni. Dan grazzi għall-ħidma ta’ dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa u r-responsabbiltà tal-pubbliku inġenerali li wassal sabiex evitajna lockdown totali.