Ambjent
Latrina fi Pjazza Tritoni li titnaddaf u tinħasel waħedha

Id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni ffirmat ftehim fil-prinċipju ma’ 18-il Kunsill Lokali ieħor, biex mis-sena d-dieħla tintroduċi żewġ proġetti innovattivi fil-lokalitajiet tagħhom b’investiment ta’ tliet miljun ewro u nofs: proġett minnhom huwa dwar kontenituri tal-iskart u l-ieħor ta’ latrini pubbliċi awtomatiċi.

B’kollox telgħu għal 49 il-kunsilli li ffirmaw ftehim għal sentejn mad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni.

Mis-sena d-dieħla, id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni b’kordinament mal-kunsilli lokali se tibda tintroduċi fil-lokalitajiet żewġ servizzi innovattivi li bihom se tkun qed tagħmel użu mill-aħħar teknoloġija biex l-ibliet u l-irħula tal-gżejjer Maltin jinżammu ndaf u lill-pubbliku toffrilu qabża fil-kwalità fis-servizzi li juża.

Id-Direttur tad-Diviżjoni Ramon Deguara spjega li se jinbidel il-kunċett tal-kontenituri tal-iskart għaliex se jibdew jiġu ntrodotti kontenituri magħrufa bħala smart litter compacting bins li permezz ta’ pannelli fotovoltajċi li jkollhom magħhom, id-Diviżjoni li llum għandha mpjegati magħha 24 siegħa kuljum, tkun taf meta jkun wasal biex jimtela u tbattlu.

“Fit-toroq tagħna ma narawx aktar kontenituri tal-iskart mimlijin, aħna jkollna sistema fejn inkunu nafu minn qabel, fi x’ħin il-kontenitur se jimtela.”

Żied li l-proġett pilota li ra dawn il-kontenituri introdotti f’erba’ lokalitajiet, il-ħsieb hu li s-sena d-dieħla, jpoġġu mal-2,000 kontenitur mal-pajjiż kollu. Kunċett innovattiv ieħor li se tkun qed taħdem fuqu d-Diviżjoni hu l-introduzzjoni ta’ latrini pubbliċi awtomatiċi.

“Se naraw li nagħmlu qabża kbira fil-kwalità fejn litteralment naraw is-servizzi li naraw barra minn pajjiżna. Naraw servizzi fejn inti tinqeda mil-latrina pubblika u fl-istess ħin issibha nadifa u wara li toħroġ inti terġa’ titnaddaf waħedha.”

Qal li għal dawn l-aħħar sitt xhur, stallaw latrina minn dawn fi Pjazza Tritoni u appella lill-pubbliku sabiex dawn jagħti ċans lil dawn il-latrini jaħdmu għaliex apparti li jnaddfu wara kull persuna li tużaha, jinħaslu b’mod awtomatiku wara kull 10 persuni li jużawha.

Dawn iż-żewġ proġetti li d-Diviżjoni se tkun qed tagħmel monitoraġġ tagħhom il-ħin kollu, huwa stmat li se jiswew mat-tliet miljun ewro u nofs. L-ispiża ma tkoprix is-servizzi addizzjonali li d-Diviżjoni diġà toffri lill-Kunsilli Lokali bħal ġbir ta’ annimali mejtin u ġbir ta’ rimi llegali, waranofsihar, fi tmiem il-ġimgħa u fil-festi pubbliċi.

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-indafa pubblika, Deo Debattista qal li d-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni u l-kunsilli lokali jagħmlu ħafna biex il-lokalitajiet jinżammu ndaf iżda qatt mhu biżżejjed. S

Huwa saħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm deterrent akbar biex in-nies ma jħammġux u sostna li minkejja li diġà hemm infurzar jemmen li dan għandu jiżdied billi minbarra l-multi, min jinstab ħati li ħammeġ għandu jagħmel xogħol fil-komunità fosthom li jnaddaf il-ħmieġ tiegħu stess, iżda mhux biss.

Is-Segretarju Parlamentari Debattista qal li d-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni għandu jkollha fergħa responsabbli mill-infurzar u temm jgħid li dwar dan se jkun qed jiddiskuti mal-grupp parlamentri.