Storja
“Leħnu ma jixjieħ qatt” – Ċentinarju mill-mewt ta’ Manwel Dimech

Kellha tkun ċelebrazzjoni nazzjonali iżda l-Covid ħassret kollox. Għada jaħbat iċ-ċenitarju mill-mewt ta’ Manwel Dimech. Riformatur, Soċjalista u filosofu iżda wkoll eks priġunier. Kien proprju mill-ħabs li feġġ dan il-leħen li xtaq ipatti għall-ħsara u l-jasar tal-poplu Malti. Ideat riformisti li għalihom kellu jħallas bid-demm tiegħu stess.

Manwel Dimech twieled il-Belt Valletta f’faqar kbir, b’missieru saħansitra jmut fl-età ta’ 19 il-sena. Dimech għamilha ma’ klikka kriminali u spiċċa l-ħabs minħabba serq u qtil involontarju. Ġo ċella sab in-namra għall-kotba u beda jinteressa ruħu fil-politika, tgħallem sew il-Malti u diversi lingwi oħra, fosthom il-Franċiż u l-Ġermaniż.

Meta kellu 36 sena ħareġ bħala bniedem ġdid u beda l-moviment Dimekjan. Iżda l-ideat tiegħu kienu ta’ theddida għall-awtoritajiet kolonjali u għalhekk ġie ddeportat bil-forza minn Malta fl-1914, fuq akkużi qatt ippruvati ta’ spjunaġġ għall-gvern Ġermaniz, li f’dak iż-żmien kien fi gwerra mal-Gran Brittanja.

Dimech tqiegħed fuq vapur għal Sqallija mingħajr ebda verifika ta’ dawk l-akkużi, mingħajr avukat difensur li jitkellem għalih, u fuq kollox mingħajr proċess ġudizzjarju ta’ xejn, fejn finalment spiċċa f’kamp tal-konċentrament f’Lixandra, l-Eġittu.

F’riflessjoni dwar ir-relevanza ta’ Manwel Dimech fl-2021, Patri Mark Montebello qal ma’ Television Malta li leħnu ma jixjieħ qatt, ma jissikkett qatt u jkompli jnebbaħ.

“Tant hu rikk, tant hu b’saħħtu, li nibqgħu nitgħallmu minnu, u qatt mhu se jkun biżżejjed. Il-ħrara tiegħu, l-attiviżmu ta’ Dimech jgħid, ħadd m ‘għandu dritt jgħaffeġ lil ħaddieħor, la għax inti saċerdot, la jekk int politiku, għax għandek il-flus, jew Labour jew Nazzjonalist, m’għandek qatt dritt tgħaffeġ lil ħaddieħor.”