Lokali
“Lejl u nhar nhewdnu x’seta’ ġara, fejn seta’ mar” – il-ġenituri ta’ Marcel Pisani

“Ħa mmur nixtri” kien l-aħħar kliem li Marcel Pisani, raġel ta’ 50 sena f’siġġu tar-roti, qal lill-ġenituri tiegħu fit-28 ta’ Diċembru filgħaxija. Il-ġenituri, Alfred u Philippa, qalu lil Television Malta li minn dak il-ħin tilfu kull kuntatt miegħu saħansitra anke l-mobile tiegħu ntefa’.

Il-ġenituri stqarrew li huma mkissrin, lejl u nhar jhewdnu bejn x’seta’ ġara, fejn seta’ mar u t-tama li jerġgħu jarawh. Qalu li qattgħu l-ewwel jiem iduru ma’ Malta, jittamaw li x’imkien jilmħu lil binhom. Is-Sur Pisani qal li huma nfurmati li t-tfittxijiet għadhom għaddejjin fuq l-art u fil-baħar, bl-aħħar sforz tal-awtoritajiet kien fl-inħawi tal-Imtaħleb, iżda irriżulta fin-negattiv.

Is-sena li għaddiet, il-pulizija rċeviet 378 rapport ta’ persuni nieqsa. 316 minnhom kienu ta’ persuni Maltin. L-Assistent Kummissarju Dennis Theuma, qal li 30 Malti u 20 barrani ma nstabux u għall-Pulizija għadhom kunsidrati bħala persuni rrappurtati nieqsa.

Spjega li fost l-akbar rapporti komuni ikollhom każi ta’ anzjani li jitilfu l-orjentament u jintilfu, persuni li daħlu Malta bħala immigranti illegali u jaħarbu mill-pajjiż, u minuri li jkunu taħt care order li ma jidħlux lura fil-ħin bil-carers jirrapurtawhom nieqsa minnfih.

“Kwalunkwe rapport ta’ missing jibqa’ miftuħ sakemm ma jiġix konkluż b’mod definittiv, jiġifieri jew li nsibu idealment insibu lill-persuna safe and sound, issa jekk hux Malta, jekk hux Sqallija, jekk hux l-Iżvezja, l-importanti li that person has been accounted for. Imbagħad ikun hemm il-każijiet l-oħrajn fejn insibuhom il-persuna tkun mietet.”

Żied l-pulizija għandha rapporti miftuħa ta’ persuni rrappurtati nieqsa li jmorru lura sas-snin sebgħin.

Is-Sur Theuma spjega li malli jidħol rapport ta’ persuna nieqsa, il-Pulizija minnufih tibda tiġbor kemm jista’ jkun informazzjoni fuq dik il-persuna, tintalab l-għajnuna ta’ kumpaniji tal-komunikazjoni għal-lokalizazzjoni tal-mobile. Qal li imbagħad, skont il-każ, tintalab l-għajnuna tal-pubbliku permezz ta’ ritratti u informazzjoni li jixxandru fil-media.

Żied li minkejja ċ-ċokon, l-għajbien ta’ persuna f’Malta jaf ikun ta’ uġiegħ ta’ ras għall-pulizija.

“Fis-sens vera żgħir, imma jekk trid tistaħba mhux daqshekk ta’ barra minn hawn. Sfortunatament jekk jien irid inħalli dan il-pajjiż mhux daqshekk diffiċli wkoll, hemm mezzi kif bħalma jiġu l-persuni fuq id-dgħajjes, il-klandestini, bħalma tiġi tista’ titlaq.”

Qal li kull każ ta’ persuna nieqsa jiġi trattat għalih.

“Ix-xogħol tagħna jkun jiġifieri li fejn nistgħu, li tajjeb jew ħażin għax fl-aħħar mill-aħħar il-qraba idealment tgħidilhom iva sibtu ħaj jew sibtha ħajja imma fl-aħħar mill-aħħar they need closure.”