Ekonomija u Finanzi
AĠĠORNAT: ‘Lejn Ekonomija Sostenibbli’ hija t-tema għall-budget tas-sena d-dieħla

“Lejn Ekonomija Sostenibbli” hija t-tema tad-dokument tal-gvern bi tħejjija għall-budget tas-sena d-dieħla li ġie publikkat biex jiskatta proċess ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u l-pubbliku. Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna, qal li l-budget li se jitħabbar f’Ottubru hu test għall-Gvern biex isarraf b’mod għaqli dak li ġemma fis-seba’ snin li għaddew fl-istess ħin li jibqa’ jsostni liż-żgħir. Qal li l-miżuri proposti għall-budget huma bbażati fuq ħames prinċipji: governanza tajba; tkabbir ekonomiku; investiment fl-edukazzjoni; titjib fl-infrastrutura; u ekonomija ‘carbon neutral’ sal-2050.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-budget għas-sena d-dieħla qed jitħejja fi stadju kruċjali minħabba żewġ fatturi: il-pandemija tal-coronavirus u r-reputazzjoni ta’ Malta. Fil-preżentazzjoni lill-membri tal-MCESD tad-dokument ta’ qabel il-budget li għandu t-tema “Lejn Ekonomija Sostenibbli”, il-Ministru Scicluna qal li fi żmien ta’ kriżi ma jistax ikun hemm surplus, imma spjega li l-ekonomija trid toħloq l-ossiġnu. Fi kliemu, dan il-budget huwa test għall-Gvern.

“Dan huwa test importanti. Il-gvern wera f’dawn is-seba’ snin li kien kapaċi jibni l-ekonomija. Issa jrid juri li fi kriżi kapaċi jonfoq dawk ir-riżorsi li ġemma’ imma b’mod għaqli u li jagħtu l-iktar return u sostenn biex l-eknomjija tkompli tgħaddi din il-kriżi. Dan huwa t-test li jrid joħroġ minnu dan il-gvern permezz ta’ dan il-budget,” qal il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna.

Waqt li saħaq li jrid jinstab bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija, il-Ministru Scicluna qal li fil-budget ta’ Ottubru li ġej se jintużaw fondi mill-fond ta’ rkupru tal-Unjoni Ewropea. Il-Ministru Scicluna qal li b’saħħtu kemm hu b’saħħtu l-pajjiż mill-aspett finanzjarju, il-finanzi xorta huma limtati.

Dwar ir-reputazzjoni ta’ Malta, il-Ministru qal li din taffettwa l-perċezzjonijiet u l-ġudizzju ta’ pajjiżi oħra. Wera l-fehma li minkejja proponimenti serji mill-gvern li l-affarijiet jimxu fuq il-linja t-tajba, rapporti mill-qrati se jkomplu jgħarrqu r-reputazzjoni tal-pajjiż. F’dan ir-rigward, qal li l-affarijiet mhux biss iridu jitranġaw imma jidhru li qed jitranġaw.

F’ħarsa lejn l-andament ekonomiku fl-aħħar xhur, il-Ministru qal li effett tal-pandemija l-qgħad ma kienx kbir bħalma kien f’pajjiżi bħal Spanja minħabba l-miżuri li ttieħdu u anke għaliex irtiraw għadd ta’ ħaddiema barranin u anzjani li kienu għadhom fis-suq tax-xogħol. Qal li d-defiċit għas-sena d-dieħla mistenni jkun tal-inqas 4%. Qal li fid-dawl li l-kriżi qed titwal, l-akbar impatt fuq l-ekonomija qed jirriżulta mit-turiżmu. Esprima t-tama li s-sena d-dieħla l-pajjiż jerġa’ jaqbad it-triq għal surplus – bil-għan li fil-ġejjieni ma jiżdiedx il-piż tat-taxxi.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, innota kif dan id-dokument jagħti importanza lill-Iżvilupp Sostenibbli – anke għaliex it-tema magħżula hija dik ta’ ekonomija sostenibbli. Il-Ministru li bħala parti mill-portafoll tiegħu għandu l-iżvilupp sostenibbli, semma’ kif il-ħidma tal-Gvern, inkluż bil-miżuri tal-baġit, tinkludi t-tliet pilastri tas-sostenibbiltà: l-aspett ambjentali, ekonomiku u soċjali.

Id-dokument ta’ qabel il-budget ġie preżentat ukoll u diskuss fil-laqgħa ta’ din il-ġimgħa tal-Kabinett.

 

Aktar qabel:

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna nieda d-dokument ta’ qabel il-budget bit-tema ‘Lejn Ekonomija Sostenibbli.’

Fi prezentazzjoni lill-ġurnalisti ta’ dan id-dokument, il-Ministru qal li dan il-budget qed jitħjja fi żmien li qal li mhuwiex normali u qal li hawnhekk tintwera l-ħila  dwar kif tiġi affaċjata kriżi li sal-lum ma kienx hemm bħala.

Il-Ministru Scicluna qal li  dan il-gvern mill-ewwel xahar tiegħu fl-2013 dejjem ħaseb biex isostni l-eknomija b’mod b’saħħtu u jsostni u jsaħħaħ il-finanzi tal-gvern.

Qal li dawn is-seba’snin kienu imirati biex isaħħu l-ekonomija għal li jista’ jinqala’ u kriżi sabitna preparati.

Żied jgħid li l-gvern se jibqa’ wara ż-żgħir u se jsostnih.

Qal li qed jiġu studjati l-miżuri li huma meħtieġa f’din il-fażi tal-kriżi li qal hija ħarira differenti mill-ewwel xhur tagħha.