Qasam soċjali
Lejn Ġunju r-residenti fid-djar tal-anzjani jibdew jinħarġu fi gruppi

Mis-17 ta’ Mejju se jkun hemm rilaxx ta’ restrizzjonijiet oħra fosthom fid-djar tal-anzjani fejn se jkunu permessi iktar viżitaturi waqt li lejn Ġunju se jibdew jinħarġu mid-djar fi gruppi.

F’kummenti ma’ TVM il-Ministru għall-Anzjani u Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li d-dettalji tat-tielet fażi tar-rilaxx tal-miżuri fid-djar tal-anzjani se jingħataw kmieni l-ġimgħa d-dieħla.

Huwa nnota r-riżultati pożittivi mill-aħħar irtirar ta’ miżuri fid-djar tal-anzjani u qal li dawn qed jagħtu kuraġġ għal aktar miżuri avventurużi.

“Se nkunu qegħdin naraw li eventwalment lejn Ġunju noħorġu l-anzjani fil-komunità bħala ‘bubbles’. Dan huwa frott ir-riżultati li s’issa ksibna u tal-ewwel żewġ fażijiet”.

Il-Ministru Farrugia qal li dan huwa riżultat tal-programm nazzjonali ta’ tilqim li wassal biex fi ftit xhur tlaqqmu aktar minn 90% tal-anzjani f’37 dar tal-anzjani.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Farrugia vara servizz ġdid ikel ideali għas-saħħa li minnu mistenni jgawdu aktar minn 4,000 anzjan.

Huwa qal li dan is-servizz se jkun qed jitwessa’ għall-anzjani kollha fid-djar tal-anzjani u spjega kif għall-ewwel darba se jiġu impjegati disa’ ‘nutritionists’ partajm mad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva.

Il-Kap Eżekuttiv tal-imsemmi dipartiment, Dr Renzo de Gabriele, qal li dan is-servizz se jkun mill-aktar essenzjali għal dawk li qed ibatu minn diversi kundizzjonijiet.

“Ma jistgħux, eżempju, jieklu ċertu ikel solidu, ma jistgħux jieħdu nutrizzjonijiet minħabba allerġiji. Hemm min qed jitlef il-piż u dawn jiġu trattati minn professjonist li jiffaċċjaw dawn l-isfidi u jagħtuhom l-aħjar nutrizzjoni”.

Dr Degrabriele qal li permezz ta’ applikazzjoni ‘online’ anzjani li minħabba kundizzjonijiet varji ma jistgħux joħorġu minn darhom jistgħu wkoll jagħmlu użu minn dan is-servizz.