Inklużjoni
Len u Jacob b’ħolma li meta jikbru jieħdu sehem fil-Paraolimpijadi

Disa’ snin ilu l-koppja Brian u Alison Galea kellhom tewmin, Jacob u Len, fejn ta’ tliet snin indunaw li għandhom diżabilità fil-moviment tagħhom. Minkejja li t-trobbija tagħhom mhix faċli, il-ħolma tal-ġenituri, li huma sportivi hi li uliedhom meta jikbru jieħdu sehem fil-paraolimpijadi.

Jemmnu li l-isport jagħmel ħafna ġid, speċjalment fit-tfal b’diżabilità, u se jagħmlu minn kollox biex jispiraw familji oħra u tfal biex l-isport ikun parti kbira minn ħajjithom. Il-missier jgħid li kemm ilhom jagħmlu l-isport, uliedhom għamlu progress kbir f’saħħithom.

Ħdax-il sena wara li kellhom lil binhom Isaac, il-koppja Brian u Alison kellhom lit-tewmin Len u Jacob, fejn kollox kien jidher normali, sakemm tliet snin wara ndunaw li kellhom problema fil-mobbiltà tagħhom u anki fit-taħdit.

“Indunajna li għal 3 snin qed jaqgħu ħafna, Alison full time, u qalulna li hija normali, imma ma kinitx, għalqu 4 snin u bdiet li fejn tfal oħra, jaqgħu iktar, kuluri, tazza, niċċaqilqu, u rreferejna lis-CDAU u ma waqfniex naħdmu,” jgħid Brian.

Omm it-tewmin, Alison, qalet li mhix faċli għaliha li tkun mat-tewmin erbgħa u għoxrin siegħa kuljum. “Iebsa ħafna, biex iżżomm id-dar nadifa, ngħajja… qed innaddaf bil-lejl, ħafna ġiri bihom, irrid inlaħħaq ma’ kollox.”

Minkejja l-isfidi, il-familja Galea, li hija familja involuta ħafna fl-isport anki professjonalment, qed tagħmel minn kollox biex Len u Jacob itejbu saħħithom bl-isport.

Ħuhom Isaac, li għandu 20 sena u li għalih it-tewmin huma l-mimmi t’għajnejh, qed iħarreġ lil ħutu fil-boxing. “Bil-boxing tarahom, nimbuttahom u jibqgħu, u għalija dik sabiħa ħafna, u iktar nagħmel sforz fuqi biex nittrejnahom,” jgħid Isaac.

Brian qal li jemmen li b’din is-sitwazzjoni ta’ wliedu jista’ joħroġ ħafna ġid, għaliex qed jaħdmu biex iqajmu kuxjenza fuq il-bżonn ta’ iktar sport. Qal li bħalissa qed jippruvaw jiksbu biżżejjed fondi biex uliedu jingħataw dik li tissejjaħ ‘hippo therapy’ li ssir fuq iż-żiemel u li tgħin tfal b’diżabilitajiet differenti itejbu saħħithom. Il-ħolma tal-familja Galea hi li meta jikbru Len u Jacob jieħdu sehem fil-paraolimpijadi.

“Aħna nemmnu li eventwalment jirrapreżentaw lil Malta fil-Paraloympics, il-ħolma dik hi, dak it-tir, u eventwalment hemm il-ħolma.”

Il-familja Galea ma jħossuhomx sfortunati li għandhom lil Len u Jacob, anzi, jħossuhom imbierka li bl-enerġija u entużjażmu li għandhom għall-isport se jagħmlu d-differenza mhux biss f’uliedhom, iżda f’ħajjet ħaddieħor.

Bħalissa għaddejjin b’kampanja sportiva ‘Don’t Be Afraid Just Believe’ għax verament jemmnu li fil-ħajja, hu x’inhu l-ostaklu, jekk tibqa’ temmen u taħdem, se tasal biex tagħmel id-differenza f’ħajtek u f’ħajjet ħaddieħor.

Min irid jgħin fil-ħolma li għandhom Len u Jacob jista’ jagħmel dan permezz ta’ https://www.gofundme.com/f/len-jacob-wellness-fund.