Avjazzjoni
Lest li tivvjaġġa u żżur l-ajruport?

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta llum qed iniedi stħarriġ bil-għan li jifhem aħjar jekk il-pubbliku lokali hux lest li jerġa’ jibda jivvjaġġa u jżur l-ajruport għal raġunijiet mhux relatati ma’ safar.

L-isħarriġ anonimu, li huwa disponibbli hawnhekk, jikkonsisti minn 12-il mistoqsija maqsumin fi tliet kategoriji, u ma għandux jieħu aktar minn tmien minuti biex jimtela.

Il-mistoqsijiet tal-ewwel taqsima jiffukaw fuq l-intenzjonijiet tar-rispondenti fir-rigward ta’ safar u żjajjar fl-ajruport mhux relatati ma’ vjaġġar, filwaqt li t-tieni taqsima tiffoka fuq il-probabbiltà li l-miżuri tas-saħħa u s-sigurtà meħudin fil-post jinfluwenzaw dawn l-intenzjonijiet.

Dan l-istħarriġ qed isir bħala parti mill-impenn tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li jerġa’ jibni l-kunfidenza tal-konsumatur fil-ivvjaġġar billi jipprovdi ambjent sigur f’kull parti tal-binja tat-terminal.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta diġà implimenta sett komprensiv ta’ miżuri tas-saħħa u s-sigurtà li jinkludu l-installazzjoni ta’ disa’ kameras termiċi, tindif u diżinfezzjoni aktar frekwenti u tqassim aħjar tat-terminal sabiex il-passiġġieri u l-viżitaturi ma jiġux f’kuntatt.

Il-kumpanija issa qiegħda tagħti l-opportunità lil persuni li jirresjedu f’Malta sabiex jagħtu l-feedback tagħhom bil-għan li tiddetermina jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali sabiex persuni li għad għandhom xi riżervi dwar l-ivvjaġġar ikunu jistgħu jħossuhom komdi jerġgħu jibdew isiefru u jżuru l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok żur www.maltairport.com