Kurżitajiet
Lesta tħallas €125,000 fis-sena għal kok li jsajjar ikel Lhudi

L-istilla internazzjonali tal-mużika Madonna qed tfittex kok prim b’esperjenza li jsajjar fid-djar privati l-ikel Lhudi.

Dan il-kok irid ikun lest li jitrasferixxi ruħu fi tliet ibliet kbar – Londra, Lisbona u New York – skont fejn tkun qed toqgħod hi.  L-ikel li jrid isajjar il-kok irid isajjar il-kosher, li huwa tip ta’ ikel konformi mal-liġi tat-Torah, li jsegwuha l-Lhud b’mod strett.

L-avviż ta’ Madonna deher fuq is-sit Talent Private Staff, aġenzija li tispeċjalizza f’servizzi personali ta’ prestiġju u klijenti VVIP.  Għalkemm fl-avviż ma kienx hemm min qed jitlob għal dan is-servizz speċjalizzat, il-gazzetti Ingliżi rnexxielhom jiġbru biżżejjed tagħrif u waslu għal ħadd ħlief Madonna.

L-istilla tal-pop lesta li toffri madwar €125,000 paga fis-sena għal min ikun lest li jsajjar dan it-tip ta’ ikel għaliha, kif ukoll għall-mistednin, il-ħaddiema u t-tfal tagħha.

Minbarra l-ikel Lhudi, hija qed titlob li l-kok ikun jaf isajjar ukoll ikel Taljan, Asjatiku, platti Ewropej u anke Amerikani.  Talbet ukoll li l-ikel irid ikun san, sempliċi u familjari.

Il-kok mistenni jibda jaħdem ma’ Madonna mix-xahar id-dieħel.  L-istilla tal-pop bħalissa qed tgħix il-Portugall fejn binha David ta’ 13-il sena qed jitħarreġ biex isir plejer professjonali tal-futbol.

Madanakollu, hija propjament tgħix f’Mayfair, fil-kapitali Ingliża, u ta’ spiss tqatta’ wkoll ħafna ħin New York.  Għalhekk il-kok irid ikun dispost li jivjaġġa magħha kullimkien.

Minjaf min se jitħajjar iqatta’ ħajtu jsajjar għal Madonna?