“Lesti niġġieldu t-traffikar tal-persuni”- Carmelo Abela

“Aħna kommessi biex niġġieldu kontra t-traffikar tal-persuni”. Dan iddikjaraħ il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, meta ltaqa’ mal-Grupp ta’ Esperti fuq Azzjoni Kontra t-Traffikar tal-Persuni (GRETA), li bħalissa jinsab Malta biex jirrevedi u jiddiskuti l-istrutturi ta’ Malta u l-istituzzjonjiet involuti fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni.

Il-Ministru Abela enfasizza l-isforzi ta’ Malta kif jirriflettu fil-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali 2015-2016 biex jiġġieled dan ir-reat kriminali. L-istrateġija tinkludi miżuri ta’ protezzjoni għall-vittmi u d-dispożizzjonijiet tas-servizzi meħtieġa f’dan ir-rigward. Huwa nnota li fl-aħħar xhur kien offrut taħriġ lil diplomatiċi u konsli, kif ukoll dawk konċernati, partikolarment f’dak li jirrigwardja t-traffikar tal-persuni għal skopijiet ta’ sfruttament fuq il-post tax-xogħol. Aktar minn hekk l-Awtoritajiet Maltin ipparteċipaw fi proġett fl-Olanda bil-kollaborazzjoni mas-Slovakja u l-Lussimburgu. Dan il-proġett, bit-tema ‘Team Work’,  kellu l-għan li jsaħħaħ il-koperazzjoni multi-dixxiplinari u l-mod ta’ dak li jinħtieġ biex tkun indirizzata din il-kriminalità. Il-parteċipanti Maltin ikkontribwixxew biex tħejjew il-linji gwidi intenzjonati biex jiffaċilitaw il-proċess ta’ iddentifikazzjoni tal-vittmi ta’ dawn ir-reati.

Il-Ministru rrimarka li l-attenzjoni dovuta għandha tingħata lill-kwistjoni tat-traffikar tal-persuni meta tqis iż-żieda ta’ barranin li qed jaħdmu f’Malta, li wħud minnhom jistgħu jkunu vulnerabbli għall-isfruttametn f’forma ta’ traffikar ta’ persuni. Il-Ministru Abela rrefera wkoll għall-irwol ċentrali  tal-Pulizija b’relazzjoni mal-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni. Waqt din il-laqgħa saret referenza wkoll għall-fatt li t-traffikar tal-persuni spiss ikun reat moħbi, peress li spiss il-vittmi jibqgħu lura milli jfittxu l-għajnuna, ħafna drabi minħabba biża’ ta’ min jisfruttahom.

Permezz ta’ kumitat internazzjonali, il-Gvern qal li se jkompli jisħaq bl-isforzi kontra t-traffikar bl-għajnuna tal-NGOs. Bl-istess mod, awtoritajiet se jkomplu bil-moniteraġġ u jagħmlu spezzjonijiet f’negozji li jkunu suxxetibbli għas-sess u traffikar ta’ ħaddiema.

Traffikar tal-persuni jinvolvi ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Din hija kkonsidrata bħala forma moderna ta’ skjavitu li tinvolvi sengħa illegali ta’ persuni għall-isfruttament jew qligħ kummerċjali, magħruf l-aktar fil-forma ta’ kummerċ sesswali jew xogħol sfurzat.

Matul it-tlett ijiem li ġejjin id-delegazzjoni tal-GRETA se jkollha laqgħat ma’ diversi entitajiet governattivi u aġenzji li jistgħu jkunu involtu fl-addozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri biex ikun indirizzat t-traffikar tal-persuni.