Lokali
Lezzjonijiet tal-istorja u l-ġeografija b’differenza

Tnedew il-klassijiet tas-seklu 21, b’inizjattiva ta’ Microsoft. Dan il-proġett beda fost studenti tal-iskola medja fil-Kulleġġ ta’ San Benedittu, f’Ħal Kirkop fejn l-istudenti esperjenzaw lezzjoni tal-istorja u l-ġeografija bl-użu ta’ realtà virtwali. Fis-sena skolastika li jmiss dal-proġett ser jilħaq mal-1,500 student.

L-istudenti tal-iskola medja tal-Kulleġġ San Benedittu f’Ħal Kirkop qed jesperjenza dik li qed tissejjaħ bħala ‘il-klassi tal-futur’. L-istudenti qed jagħmlu użu mill-logħba interattiva tal-Microsoft – ‘Minecraft’, li hija lezzjoni virtwali ta’ kif inbnew it-Tempji tal-Imnajdra u x-xjenza involuta fihom.

Johan Zammit tat-8 sena qal ”hawn isfel qed nagħmlu r-ray of light biex x’ħin titla’ x-xemx jkun hemm ray ta’ dawl u taraha għaddejja. Użajna l-blocks tal-minecraft biex bnejna t-tempji tal-Imnajdra.”

Krystle theuma, studenta tat-8 sena qalet ”aħna ġibna l-pjanti mingħand Heritage Malta u qlibna minn meters u centimeters għal blocks għal fuq il-logħba u dan kien il-pjan tagħna minn fejn bdejna nibnu. Tgħallimt ħafna fuq l-istorja ta’ kemm huma qodma dawn it-tempji u fuq il-ġeografija kif taqleb minn pjanta għal blocks.”

F’laboratorju l-ieħor, grupp ta’ studenti, lebsin headsets tar-realtà virtwali, instabu jesploraw il-belt Taljana ta’ Ruma u l-Peru. Tagħlim ġdid għal-lezzjoni tal-ġeografija.

”Kienet esperjenza sabiħa ħafna li ddur postijiet fl-Ewropa u fid-dinja u titgħallem s-suġġett tal-istorja b’mod differenti” qalet l-istudenta Kirsty Borg.

”Hija esperjenza sabiħa u tgħallimna affarijiet bħala storja u affarijiet oħra li mhux kulħadd jista’ jagħmilha u jarahom” qalet l-istudenta Charlee Mamo.

Kevin Schembri mill-Microsoft Innovation Center, spjega li dan il-proġett se jinfirex mis-sena skolastika li jmiss u se jilħaq madwar 1,500 student f’għaxar skejjel tal-Istat, tal-Knisja, kif ukoll indipendenti.

Kevin Schembri tal-Microsoft Innovation Centre qal ”investejna mal-€50,000 f’apparat li ġibnih hawn Malta biex nagħtu esperjenza kemm lill-istudenti kif ukoll lill-għalliema kif jistgħu jintegraw din it-teknoloġija fl-edukazzjoni biex il-proċess edukattiv ikun effettiv u nemmnu wkoll li din it-teknoloġija għandha tkun parti integrali mill-klassi tal-lum.

Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Clifton Grima qalu li dan il-progett edukattiv qed isir bis-saħħa tal Memorandum of Understanding li ġie iffirmat aktar kmieni din is-sena bejn il-Gvern u Microsoft.