Mużika
Lezzjonijiet tal-mużika b’xejn lit-tfal u ż-żgħażagħ, se jagħtuhom strument mużikali bla ħlas

F’dawn il-jiem, is-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa tal-Marsa id f’id mal-Aġenzija Żgħażagħ nediet il-kampanja ‘Notini, Żvilupp Mużikali’ bil-għan li mis-Sibt li ġej tilqa’ għadd ta’ tfal u żgħażagħ fi ħdan l-iskola tal-mużika tagħha biswit il-Knisja tat-Trinità Qaddisa l-Marsa. Fi ftit kliem, se jingħataw għadd ta’ lezzjonijiet tal-mużika bla ħlas mis-surmast tal-banda tas-Soċjetà David Joseph Sammut u l-assistent tiegħu Quentin Zammit.

F’kummenti lil tvm.com.mt is-Sur Sammut, li ilu mat-tmien snin jgħallem il-mużika, stqarr li lil hinn mil-lezzjonijiet li se jibdew jingħataw mis-Sibt li ġej se jiġu stabbiliti żewġ masterclasses b’xejn minn għadd ta’ għalliema speċjalizzati matul Lulju u Awwissu.

Is-Sur Sammut qal li matul dawn l-aħħar ġimgħat straordinarji beda jberren f’moħħu l-ħsieb li titnieda inizjattiva mal-Kumitat tas-Soċjetà biex aktar aljievi jitħajru jagħtuha għat-tagħlim ta’ xi strument mużikali. U nhar is-Sibt, is-Sur Sammut se jaqta’ xewqtu.

Fi stqarrija, is-Soċjetà stqarret li hekk kif l-istudenti jitgħallmu t-teorija se jingħataw strument mużikali mingħajr ħlas biex b’hekk dak li jkun ikun jista’ jkompli jitħarreġ bih. Imbagħad, ftit ftit, it-tfal u ż-żgħażagħ se jingħataw iċ-ċans idoqqu f’xi kunċerti ċkejknin biex eventwalment ikunu jistgħu jagħtu sehemhom fil-banda tas-Soċjetà wkoll.

Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-paġna ta’ Facebook tas-Soċjetà jew mill-Każin tal-Banda tal-Marsa.