Lokali
“Li kieku mhux għal-lockdown ilbieraħ il-Ministru Evarist Bartolo kellu jkun fi Vjenna”

Il-Pulizija Awstrijaka arrestaw 14-il persuna b’rabta mal-attakk li werwer lil Vjenna lbieraħ filghaxija u li ħalla 4 persuni mejta b’ħafna oħra midruba. L-aggressur inqatel fi sparatura mal-Pulizija u ġie ientifikat bħala żagħżugħ t’għoxrin sena li fil-passat kien ġie arrestat minħabba estremiżmu Iżlamiku. F’kummenti ma’ TVM l-Ambaxxatur Maltija fl-Awstrija li tinsab viċin fejn seħħ l-attakk qalet li kulħadd jinsab ixxukkjat b’dak li seħħ fil-kapitali Awstrijakka.

Attakk ikkordinat li seħħ ilbieraħ fiċ-ċentru ta’ Vjenna li ħalla erba’ persuni mejta u tnejn u għoxrin midruba. Is-suspettat inqatel mill-forzi tal-ordni u aktar tard ġie identifikat bħala żagħżugħ ta’ għoxrin sena li ħareġ mill-ħabs f’Diċembru li għadda wara li kien qed jiskonta sentenza ta’ 22 xahar talli prova jitlaq lejn is-Sirja biex jinagħqad mal-grupp terroristiku li jsejjaħ lilu nnifsu bħala l-Istat Iżlamiku.

Il-Kanċiller Awstrijak Sebastian Kurz, qal li l-vittmi huma żewġt anzjani, raġel u waitress. Iddeskriva dan bħala attakk fuq il-valuri demokratiċi tal-Awstrija. Qal li din mhix battalja bejn il-Kristjaneżmu u l-Iżlam iżda bejn iċ-ċivilizzazjoni u l-barbariżmu.

Fl-aħħar sigħat il-Pulizija arrestaw 14 il-persuna bl-awtoritajiet jemmnu li s-suspettat kien l-uniku aggressur. Madanakollu xhieda li tkellmu mal-Pulizija qalu li raw aktar minn persuna waħda tispara. F’dan l-istadju l-Pulizija qed janalizzaw aktar minn 20 elf filmat miġbud mill-mowbajls.

L-Ambaxatriċi Maltija fl-Awstrija Natasha Meli Daudey qalet lil TVM li kulħadd jinsab ixxukkjat b’dak li ġara lbieraħ.

“Kulħadd qiegħed taħt stat ta’ xokk. Ġie kiesaħ u biered ġie ftit sigħat, mument inzerta ammont ta’ ġranet kesħin u t-temperatura telgħet ftit ilbieraħ filgħaxija allura iktar nies sabu ruħhom fit-toroq għal raġuni jew oħra. Dan l-attakk sab lin-nies mhux lesti.”

F’kitba fuq il-paġna ta’ Facebook, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo qal li l-attakk seħħ fl-inħawi tal-ambaxxata Maltija u f’dan l-isfond sostna li l-ħaddiema ser jaħdmu mid-dar biex jevitaw kull periklu. L-Ambaxxatriċi Meli Daudey qalet kieku ma kienx il-lockdown li daħal fis-seħħ fl-aħħar sigħat, ilberaħ kellu jkun fi Vjenna l-Ministru Bartolo fl-istess żona fejn seħħ l-attakk.

“Ilbieraħ fil-verità kellna nkunu fiċ-ċentru iktar tard għax kellna viżta tal-Ministru kellna programm mimli minħabba l-miżuri li ħa l-gvern Awstrijakk minħabba l-covid-19 ilbieraħ mas-sitta kulħadd telaq sas-sitta, ir-residenza uffiċjali hi ftit ‘il bogħod.”

L-attakk fi Vjenna seħħ ħames t’ijiem wara l-attakk terroristiku f’Nizza, li qanqal biża’ li se jerġa’ jerfa’ rasu t-terroriżmu fl-Ewropea, tant li llum ir-Renju Unit għola l-livell ta’ theddid ta’ attakk terroristiku għal sever. Intqal li din il-miżura hi preventiva u l-awtoritajiet qed jappellaw lill-pubbliku biex jibqa’ viġilanti.