Lokali
“Li prova jimplika li aħna m’aħniex kontra l-abort hija mossa maħmuġa” – Carmel Cacopardo

Skont il-Perit Carmel Cacopardo, ir-riżenja ta’ Arnold Cassola mill-Alternattiva Demokratika fuq l-abort hija biss skuża. Intervistat fuq il-programm ta’ Television Malta Ras imb ras, il-Perit Cacopardo qal li hu kien ta l-parir li l-Professur Cassola ma jkunx approvat bħala kandidat għall-elezzjonijiet Ewropej ta’ Mejju li ġej.

Bejn Arnold Cassola u l-Eżekuttiv ta’ Alternattiva Demokratika ilu jberraq u skont ic-Chairperson ta’ Alternattiva Carmel Cacopardo, il-kwistjoni dwar l-abort, jekk għandhiex tiġi diskussa jew le, mhix il-kwistjoni prinċipali.

Waqt Ras imb ras, fuq Television Malta, il-Perit Cacopardo qal il-parteċipazzjoni ta’ Cassola fl-istrutturi ta’ Alternattiva ilha li spiċċat.

“Arnold Cassola spiċċa minn Chairman f’Settembru tal-2017. Minn dakinhar ‘l hawn qatt m’attenda laqgħat ta’ AD” qal Cacopardo. Skont il-Perit Cacopardo, huwa lanqas xtaqu jkun kandidat f’isem l-Alternattiva fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

“Għax qieghed nippjana bil-mod il-mod li ndaħħal aktar demm żgħir żagħżugħ fil-partit, bagħatlu l-messaġġ li naħseb li jkun aħjar jekk ma jkunx kandidat u Arnold Cassola irreżista dan u biex ma naqlax inkwiet, approvajnieh” kompla jgħid Cacopardo.

Il-Ħadd filgħaxija l-Professur Cassola, fundatur ta’ Alternattiva u Chairperson għal madwar 8 snin, irriżenja mill-Alternattiva billi rrefera għal nuqqas ta’ ftehim dwar l-abort. Il-Perit Cacopardo ammetta li fi ħdan Alternattiva hemm kurrenti differenti dwar l-abort. Iżda l-pożizzjoni uffiċjali tibqa’ waħda, mhux kif implika Cassola.

“Li pprova jimplika li aħna m’aħniex kontra l-abort hija mossa maħmuġa. Qed jipprova jitfa’ fuqna label li m’għandniex u jaf li m’għandniex” qal Cacopardo.

Dwar it-taħditiet li Alternattiva kellha mal-Partit Demokratiku u l-qbil li r-relazzjonijiet bejn it-tnejn għalissa ma jkunux formalizzati, il-Perit Cacopardo ta x’jifhem li jeżistu differenzi fuq prinċipji bejn iż-żewġ naħat.

“Ovvjament hemm affarijiet li ma naqblux. Fatt li huma fil-partit liberali u allura jemmnu f’ċerti prinċipji tal-kapitaliżmu dak irridu niddiskutu aktar fil-fond” kompla jgħid Cacopardo.

Il-Perit Cacopardo qal li fil-ġimgħat li ġejjin l-Alternattiva se tippreżenta dokument formali dwar il-pożizzjoni tagħha fuq ir-riforma kostituzzjonali.

Ara wkoll:

X’hemm wara r-riżenja ta’ Arnold Cassola skont Carmel Cacopardo?