Lokali
“Li tinkwetani li l-COVID-19 tista’ taffettwa l-muskoli tal-qalb”

Id-dinja tinsab maħsuda wara li l-midfielder Daniż Christian Eriksen waqa’ waqt il-logħba Danimarka – Finlandja. L-aħħar aħbarijiet dwar il-plejer kienu li qed jirrispondi għall-kura li qed tingħatalu fil-Parken Stadion ta’ Copenhagen. Bil-logħba li twaqqfet mistennija tkompli fit-8.30pm.

Intant, Dr George Grech, tabib ta’ wieħed mill-klabbs fil-Premier Malti għal diversi snin qal ma’ TVM li l-plejer kellu attakk tal-qalb. Qal li huwa diffiċli jgħid x’ikkawża dan u ddeskriva s-sitwazzjoni bħala drammatika.

Mistoqsi dwar kif atleta fi fjur ta’ ħajtu u b’saħħtu jiġrilu hekk, Dr Grech qal li tinkwetah li bħalissa bil-COVID-19 jista’ jkun li l-virus jattakka l-muskoli tal-qalb u jġib xi kumplikazzjonijiet. Qal li hemm responsabbiltà biex ikun hemm screening professjonali għall-plejers kollha.

“Mument xokkanti. Irrapportajna b’mod kawt” – Sandro Micallef

Intant, il-ġurnalist Sportiv ta’ TVM, Sandro Micallef iddeskriva dak il-mument tal-logħba bħala mument xokkanti u ta’ dieqa.

Spjega li ma kienx hemm informazzjoni dwar dak li seħħ u għaldaqstant il-ġurnalisti sportivi ta’ TVM irrapportaw b’mod kawt mingħajr ma kienu prużuntużi u ma qabżu għall-ebda konklużjoni. Qal li huwa naturali li meta tara plejer jaqa’ waħdu moħħok jaħseb ħażin.

Spjega li kien ritratt ta’ fotografu li ta’ ħjiel ta’ saħħet Eriksen.