Lokali
Liam Debono jitlob li jingħata danni morali qabel jgħaddi ġuri

Liam Debono, iż-żagħżugħ li jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ pulizija f’Mejju ta’ tliet snin ilu f’Ħal Luqa talab li jingħata danni morali qabel jgħaddi ġuri.

Debono qiegħed jistenna li jgħaddi ġuri dwar l-attentat ta’ qtil tal-kuntistabbli Simon Schembri meta tajru u kaxkru għal bosa metri u kkawżalu 66% diżabbiltà.

Huwa għamel rikors kostituzzjonali li fih iddikjara li d-dritt tiegħu għal smigħ ġust diġà nkiser u talab li jingħata danni morali.

Debono li llum għandu 20 sena qed jiskonta sentenza ta’ ħames snin ħabs wara li kiser il-probation u nqabad isuq waqt li kien bil-ħelsien mill-arrest.

Id-difiża mmexxija mill-Avukat Joe Brincat qed targumenta li Debono kien soġġett għal bumbardament mill-midja u li dwaru kkummentaw kemm il-ġurnalisti u nies fuq il-midja soċjali. Saħaq li huwa importanti li l-ġurati ma jiġux influwenzati b’mod negattiv minn dak li jkunu qraw u semgħu fil-midja b’ċertu insistenza.

Id-difiża żiedet tgħid li għalxejn ikollok imħallef li jżomm lilu nnifsu ħieles mill-preġudizzji meta l-ġurati qegħdin jiġu influwenzati kontra l-akkużat.

Huwa żied jgħid li d-dritt tal-espressjoni huwa soġġett ukoll għal restrizzjonijiet li huma d-drittijiet ta’ terzi u l-protezzjoni tagħhom. Fost dawn hemm id-dritt għal smigħ ġust. Sostna li ma jistax ikollok smigħ ġust f’ġuri fejn iċ-ċirkostanzi marbuta mal-inċident li jinsab akkużat bih Debono, ikun kontinwament ibbumbardjat fil-midja.

Għal dawn ir-raġunijiet, id-difiża talbet lill-qorti biex tiddikjara ksur ta’ dritt għal smigħ ġust u għal dritt ta’ appell f’kwistjoni kriminali u tipprovdi rimedja, flimkien ma’ danni morali.