Qorti
Liam Debono jinżamm arrestat

Liam Debono nżamm arrestat wara li mill-ġdid sab ruħu l-Qorti b’rabta mal-arrest li seħħ ilbieraħ wara li nqabad isuq mingħajr liċenzja.

Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, Debono ġie akkużat li lbieraħ għall-ħabta tal-5.30pm fi Triq Mikielanġ Sapiano saq vettura mingħajr liċenzja u li kiser sentenza tal-Qorti , il-kundizzjoni tal-libertà proviżorja u li hu riċediv.

Debono, li għandu 18-il sena u jgħix iż-Żejtun, intlemaħ isuq minn Surġent tal-Pulizija stazzjonat fid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, li dak il-ħin ma kienx xogħol.

“Kont għaddej bil-karozza u rajt karozza għaddejja b’Liam Debono fin-naħa tax-xufier ” – is-Surġent Curmi

Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, xehed is-Surġent Kevin Curmi, li spjega kif kien għaddej bil-vettura privata tiegħu min Triq l-Avjazzjoni f’Ħal Luqa. Kif  wasal mar-roundabout tal-ajruport, minn quddiem għaddiet karozza Fiat Uno u xħin ħares lejn in-naħa tax-xufier ra s-sewwieq li kien baxxut fis-sit u libes nuċċali tax-xemx. Qal li għarfu mill-ewwel li huwa Liam Debono. Mistoqsi mill-Qorti kif għaraf lil Liam Debono, is-Surġent Curmi qal li jafu peress li kien parti mit-tim investigattiv tal-każ ta’ Liam Debono meta tajjar lil Simon Schembri.

“Soqt warajh  u tlabt għall-assistenza” – is-Surġent Curmi

Is-Surġent Curmi kompla jispjega li għalhekk saq warajh u nnota li fuq is-sit ta’ ħdejn ix-xufier kien hemm passiġġier. Dak il-ħin qal li talab għall-assistenza u l-ħin kollu kien qed jagħti struzzjonijiet lill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit liema direzzjoni kien qed isuq.

Ħin minnhom għaddiet vettura tar-RIU, bis-Surġent Curmi jispjega li dak il-ħin Liam Debono nduna bil -preżenza tal-pulizija u kompla jsuq f’divers toroq f’Ħal Luqa. Qal li kif daħal fi Triq Mikielang Sapiano, ra l-Fiat wieqfa f’nofs it-triq u lil Liam Debono jiżżerżaq għal fuq is-seat tal-passġġier u min kien passiggier rah ħieraġ mill-karozza u jimxi biex jirkeb fuq in-naħa tax-xufier.

Il-persuna l-oħra ġie identifikat bħala Jason Zammit, li ammetta mal-Pulizija li dak il-ħin Liam Debono kien qed isuq.

Xehed l-Ispettur Fabien Fleri mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u qal li wara li Liam Debono ġie arerstat, ordna li jniżżluh id-Depot il-Floriana.

“Daħħlu diversi telefonati li raw lil Liam isuq” – l-Ispettur Fleri 

L-Ispettur Fleri spjega li fl-aħħar ġimgħat daħlu numru ta’ telefonati li raw lil Liam Debono qed isuq, kemm Toyota Corda kif ukoll BMW fl-akwati ta’ Ħal Tarxien u ż-Żejtun. Instab li dawn iż-żewġ karozzi huma ta’ żewġ tfajliet li rriżulta li huma t-tfal ta’ Jason Zammit. Għalhekk ħarġet ordni lill-pulizija li meta jaraw dawn iż-żewġ vetturi jwaqqfuhom u jiċċekkjawhom. Qal li xi jiem ilu twaqqfet waħda minnhom li kienet qed tinstaq minn Jason Zammit u passiġġier kien hemm Liam Debono.

Dwar il-ksur tal-kundizzjonijiet tal-Qorti, l-Ispettur Fleri qal li rriżulta li Liam Debono mhux joqgħod fid-dar tal-ġenituri ftiegħu fejn iddikkjara fil-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti fil-każ tal-attentat ta’ qtil ta’ Simon Schembri. Qal li kellmu lil missieru u kixef li ibnu vera mhux joqgħod fid-dar tagħhom, imma għand Jason Zammit f’Wied il-Għajn.

Qabel iddiferixxa l-kawża għal nhar l-Erbgħa, il-Maġistrat Joe Mifsud qal li sema’ xi kummenti wara li Liam Debono ġie arrestat ilbieraħ. Qal li l-Qorti dejjem tagħmel xogħolha, u ħadd ma għandu jiġġeneraliżża. Il-Maġistrat Mifsud saħaq li meta jingħata l-ħelsien mill-arrest, il-kundizzjonijiet imposti fuq l-akkużati għandhom dejjem jiġu osservati.

Liam Debono baqa’ jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-każ ikompli nhar l-Erbgħa.

Għal-Liam Debono deher l-avukat tal-għajnuna legali Dr Victor Bugeja.

Ara wkoll:

RITRATTI ESKLUSSIVI: Liam Debono arrestat wara li nqabad isuq f’Ħal Luqa

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Malta ħadet isem fit-taħriġ ta’ professjonisti fil-liġi marittima internazzjonali permezz ta’ istitut li jopera mill-Universitaà taħt l-awspiċi tal-Organizazzjoni Marittima Internazzjonali, l-IMO, li hi waħda mill-aġenziji speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Magħquda. Fi tletin…

Lokali

Għandha l-għeruq fl-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann u hi mnebbħa mill-valuri Kattoliċi fosthom li tkun ta’ servizz għall-oħrajn. Il-missjoni tagħha hi li ssalva l-ħajjiet tan-nies billi tkun minn tal-ewwel biex…

Lokali

Residenti li spiċċaw b’parti mid-dar tagħhom imwaqqa’ fi G’Mangia, qalu li TVM li saħansitra spiċċaw jorqdu barra minħabba l-biża’ li xi ħadd seta’ jispiċċaw jidħol u jisraqilhom oġġetti ta’ valur…

Aktar