Qorti
Liberat wara li ma kienx hemm prova li d-droga ma kinitx għall-użu personali

Sqalli ta’ 32 sena ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sentejn wara li ma nstabx ħati li kellu ammont ta’ droga li ma kinitx għal użu personali tiegħu. Huwa nstab ħati biss ta’ pusses sempliċi.

Fabio Ignazzitto residenti San Pawl il-Baħar kien inqabad bi tmien sigaretti bis-sustanzi fihom wara li twaqqaf minn żewġ gwardjani tat-traffiku minħabba li kellu l-fanal ta’ quddiem imkisser. Meta twaqqaf, il-gwardjani kienu ssuspettaw li kien qed ipejjep joint. Ma’ dawn huwa kien inqabad bid-droga ġo borża li kienet tiżen mal-118-il gramma, b’valur ta’ €2,254.

Fil-Qorti ntqal li fi stqarrija li ta lill-Pulizija, huwa ammetta li s-sustanza ħadra kienet kannabis u li kien xtraha ġurnata qabel għall-użu personali tiegħu.

Is-sieħba tal-akkużat qalet li huwa għandu problema tad-droga u li kien jixtri d-drogi fi kwantitajiet kbar għax kienet tiġih irħas. Kompliet tgħid li mill-arrest ‘l hawn huwa waqaf jieħu d-droga fuq inizjattiva tiegħu mingħajr ma fittex l-għajnuna.

Fil-Qorti ġie nnottat li minkejja li nstab ammont kbir ta’ droga ma nstab ebda oġġett ieħor marbut ma’ traffikar kemm fil-karozza kif ukoll fir-residenza tiegħu. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti kkunsidrat li għandu kondotta nafida u li koopera mal-Pulizija. Għaldaqstant filwaqt li ordnat biex id-droga tinqered, il-Qorti lliberatu bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien sentejn.

Għall-akkużat deheru l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia.