Qorti
Libertà kkundizzjonata għal raġel li ħebb għal kandidat tal-PD

Raġel li ħebb għal kandidat tal-Partit Demokratiku li se jikkontesta l-elezzjoni għall-Kunsill Lokali ingħata l-libertà kkundizzjonata u ġie ordnat biex joqogħod ‘l bogħod minnuu.

Jack Azzopardi ta’ 32 sena mill-Qrendi tressaq il-Qorti akkużat li hedded u darab ħafif lil Charles Polidano, kif ukoll li kkaġunalu ħsara fil-karozza u li kiser il-paċi pubblika.

L-Ispettur Trevor Micallef qal fil-Qorti li Azzopardi ħebb għal Polidano wara li l-kandidat tal-PD ikkuntattja lil omm l-akkużat u staqsieha biex tappoġġja l-kandidatura tiegħu.

Il-mara, li la taf tikteb u lanqas taf taqra, iffirmat il-formola nhar is-Sibt u wara, Polidano qal li Azzopardi ċempillu kemm-il darba u uża kliem abbużi u ta’ theddid fil-konfront tiegħu.

Polidano żied jgħid li l-affarijiet iggravaw ilbieraħ meta l-akkużat mar jistennieh barra d-dar tiegħu u allegatament ħebb għalih meta kien qed jipprova jidħol fil-karozza.

L-avukat Nicolette Schembri, li qed tidher għall-akkużat, qalet li Azzopardi rreaġixxa b’dak il-mod għax ommu hija persuna vulnerabbli u argumenta ma’ Polidano talli pprova jqarraq biha meta qalilha li kien kandidat tal-Partit Laburista.

Azzopardi ammetta l-akkużi miġjuba kontrieh u ngħata l-libertà kkundizzjonata għal sentejn wara li ż-żewġ naħat qablu li dan huwa l-iktar kastig ideali.  Inħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront ta’ Polidano filwaqt li Azzoardi ngħata sitt xhur ċans biex iħallas għall-ħsarat.

Polidano ċaħad l-allegazzjoni li kiseb l-appoġġ ta’ omm l-akkużat b’qerq u lmenta mill-fatt li ma ntalabx jixhed fil-proċeduri.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

L-Għaqda Inħobbu l-Gżira, li hija vuċi kontra l-iżvilupp fuq Manoel Island, qalet li minkejja l-petizzjoni li ressqet quddiem il-Kumitat tal-Petizzjonijiet bi 8,487 firma, din għadha ma ġietx diskussa fil-Parlament. Fi stqarrija qalet…

Lokali

Il-Gvern fi stqarrija ċaħad rapporti li xxandru fuq mezzi oħrajn tax-xandir u li anke ġew kwotati minn xi membri tal-Oppożizzjoni, dwar żidiet fil-pagi tal-membri tal-Kabinett. Fl-istqarrija l-Gvern qal li dawn…

Għawdex

Ċifri li kiseb TVM juru li nhar Santa Marija, il-kumpanija Gozo Channel operat mad-90 vjaġġ, żieda ta’ 14-il vjaġġ fuq l-istess jum is-sena l-oħra. B’kollox nhar il-Ħamis qasmu lejn Għawdex…

Aktar