Lokali
Liema hi t-tielet lingwa uffiċjali tal-gżejjer Maltin?

Fil-jum dinji tal-lingwi tas-sinjali, illum 23 ta’ Settembru, Melissa Aquilina ta’ 16-il sena qed tappella lill-poplu Malti u Għawdxi biex jitgħallem imqar il-bażi tal-lingwa tas-sinjali Maltija, biex meta jiltaqgħu ma’ persuni neqsin mis-smigħ bħalha, ikunu jistgħu jikkomunikaw.

Intervistata fuq il-programm Ras’ Imb’ Ras, Melissa rrakkontat kif twieldet tisma’ normali iżda kellha tliet snin meta t-tobba indunaw li hija deaf. Qalet li ommha għamlet kors biex titgħallem il-lingwa tas-sinjali u meta bdiet tmur l-iskola tgħallmet ħafna affarijiet ġodda mis-sign language interpreter li kien ikollha magħha.

Melissa tifhem il-qari tax-xufftejn tan-nies meta jkellmuha imma saħqet li huwa mportanti li jitkellmu bil-mod. Dwar l-isfida bl-ilbies tal-maskri fi żmien il-pandemija tal-Covid-19, Melissa qalet li f’każi hekk, hi titlob lin-nies biex jiktbu fuq karta xi jridu jgħidulhom jew qishom se jibgħatu messaġġ fuq mobile, biex huma jkunu jistgħu jaqraw.

Tista ssegwi l-intervista sħiħa ma’ Melissa Aquilina, illejla waqt l-aħħar edizzjoni tal-programm Rasimbras li jixxandar fis-7.15 p.m. fuq TVM.