Lokali
Liema huma l-avvenimenti li għalihom se tibqa’ mfakkra l-2019?

Mat-tokki ta’ nofs il-lejl jingħalaq il-kapitlu tal-annali tal-2019 – sena li ġabet magħha bosta ġrajjiet fl-oqsma kollha tal-ħajja.

Żgur u mhux forsi li s-sena 2019 ma kinetx waħda nieqsa mill-aħbarijiet; mit-tempesta li ħakmet il-gżejjer Maltin fil-bidu tas-sena sal-immigrazzjoni u l-iżviluppi politiċi, fost oħrajn.

Fix-xena politika, kien hemm l-appuntamenti elettorali b’elezzjonijiet kemm tal-kunsilli Lokali kif ukoll tas-sitt membri Maltin tal-Parlament Ewropew. Fl-elezzjonijiet tal-kunsill, il-Partit Laburista kompla jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fil-gvernijiet lokali u fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tella’ erba’ Ewroparlamentari membri waqt li l-Partit Nazzjonalista spiċċa b’żewġ Ewroparlamentari.

L-2019 rat ukoll it-tmiem tal-Presidenza ta’ Marie Louise Coleiro Preca u l-bidu tal-President ta’ George Vella għal mandat ta’ ħames snin wara li ġie approvat b’vot unanimu fil-Parlament. Kienet ukoll it-tmiem tal-mandat ta’ Karmenu Vella bħala Kummissarju Ewropew għall-Ambjent u l-Affarijiet Marittimi u l-bidu tal-mandat ta’ Helena Dalli bħala l-ewwel Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza u r-ritorn fil-kabinett ta’ Edward Zammit Lewis li ngħata d-dekasteru li kellu Dr Dalli.

L-ambjent kompla jitla’ fuq l-aġenda nazzjonali saħansitra bi protesti kontra żvilupp bla rażan kontra proġetti kbar u kontroversjali. L-industrija tal-kostruzzjoni nqabdet f’kontroversja oħra wara fost oħrajn, tliet binjiet li ġġarfu fejn siti tal-kostruzzjoni, tnejn fi fi G’Mangia u ieħor fil-Mellieħa, li fihom b’xorti tajba ħadd ma weġġa’. Dan wassal għal diversi riformi fl-industrija tal-kostruzzjoni.

Is-soċjetà ċivili kompliet isemma leħiniha fost oħrajn fid-dibattitu favur u kontra l-abort. Kienet ukoll attiva fil-qasam soċjali li b’riħet hekk il-Parlament wara konsultazzjoni twila approva għall-ewwel darba liġi dwar il-kirjiet residenzjali.

L-immigrazzjoni wkoll kompliet tiddomina l-aħbarijiet. Fl-2019 kienu bosta l-iżbarki u s-salvataġġi tal-armata ta’ immigranti li kienu f’diffikultajiet. Inqalgħu wkoll kwistjonijiet dwar vapuri ta’ għaqdiet volontarji barranin li salvaw l-immigranti u spiċċaw tniżżlu Malta wara li saru arranġamenti bejn il-Gvern Malti u gvernijiet Ewropew li b’mod volontarju aċċettaw li jieħdu dawn l-immigranti. Spikkaw ukoll il-protesti vjolenti ta’ Ottubru mill-immigranti fiċ-ċentri tad-detenzjoni f’Ħal Safi.

L-immigrazzjoni kompliet tqanqal sentimenti razzisti li laħqu l-qofol tagħhom b’dak meqjus bħala l-ewwel omiċidju b’mottiv razzista meta f’Ħal Far nqatel kiesaħ u lbiered l-immigrant Lassana Cisse. Dwar il-każ żewġt irgiel li kienu jservu fl-armata ġew akkużati bil-qtil tiegħu. Wiċċ ieħor tal-problema tal-immigrazzjoni kienu diversi każi ta’ immigranti li nstabu jgħixu f’positjiet iffullati mingħajr iġjene u f’kundizzjonijiet miżeri, fost oħrajn fl-istalel tal-bhejjem fil-Marsa.

L-aħħar xaghrejn tas-sena kienu miżgħuda żviluppi drammatiċi. L-għoti tal-proklama mill-Prim Ministru lil Melvin Theuma biex jikxef il-mandat li ordna l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li wasal biex il-pulizija resqet il-qorti lill-imprenditur Yorgen Fenech u akkużat li kien il-moħħ wara l-assassinju ta’ Caruana Galizia.

F’sensiela ta’ żviluppi relatati, seħħet ir-riżenja taċ-chief of staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u ġie investigat ukoll dwar il-każ. Tħabbret ukoll ir-riżenja tal-Ministru Konrad Mizzi mill-kabinett u aktar tard fl-isfond ta’ protesti isejħu għar-riżenja tal-Prim Ministru, f’messaġġ lill-nazzjon huwa ħabbar li ser jirriżenja fit-12 ta’ Jannar, wara li jkun intagħżel is-suċċessur tiegħu bħala mexxej tal-Partit Laburista, kariga li qed tkun kontestata mid-deputat Prim Ministru Chris Fearne u d-deputat Robert Abela.

Waqt li kienu qed iseħħu dawn l-iżviluppi, bdiet ukoll l-inkjesta pubblika indipendneti wara qbil dwar il-bord tagħha mal-Familja Caruana Galizia. Fi żvilupp ieħor, il-qorti aċċettat it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, biex jingħata rapport sħiħ tal-inkjesta Egrant. Eventwalment, huwa ppubblika r-rapport, li fost oħrajn jirrakkomanda lil pulizija investigazzjonijiet oħrajn, fosthom dwar il-falsifikar tal-firma f’dokument biex il-kumpanija tidher li hija tal-mara tal-Prim Ministru.