COVID-19
Liema huma l-ewwel miżuri li jistgħu jibdew jitneħħew?

Għal dawn l-aħħar jiem il-każijiet tal-imxija tal-Coronavirus f’Malta kienu ftit, bil-bieraħ, għall-ewwel darba, kien hawn aktar nies imfejqa milli morda b’dan il-virus. Sal-bulettin mediku tal-bieraħ 223 persuna fiequ mill-virus u 221 għadhom morda b’dan il-virus. Minkejja dan, sfortunatament, ftit tal-ħin ilu għadha kemm ħarġet l-aħbar li r-raba’ persuna tilfet ħajjitha kawża tal-COVID-19.

Il-mistoqsija tiġi waħedha jekk wasalx iż-żmien li l-pajjiż jibda jerħi ftit mill-miżuri li ħa biex jilqa’ għal din l-imxija. Ilbieraħ fil-programm Xarabank, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne qal li minkejja li l-figuri huma baxxi l-mikrobu għadu magħna u għadu bħalma kien u għadu infettiv. Huwa ta l-ewwel indikazzjoni ta’ kif il-pajjiż jista’ jerħi bil-mod il-mod uħud mill-miżuri.

Dr Fearne nnota li l-figuri ta’ każijiet ġodda huma baxxi għax il-poplu qed josserva l-miżuri li implimenta l-Gvern sabiex jilqa’ għall-virus. Tenna li l-problema mhux solvuta iżda tinsab taħt kontoll. Qal li jekk ma nibqgħux insegwu l-miżuri l-virus jgħolli rasu u jibda jinfirex.

“Sakemm ikollna l-vaċin irridu nibqgħu nirrispettaw il-virus għax jekk inkunu arroganti miegħu jegħlibna” qal Dr Fearne. Madankollu jekk in-numri jibqgħu żgħar għal ġranet li ġejjin, il-Ministru Fearne qal li “se naslu f’punt, b’pass ta’ nemla, li se nkunu nistgħu nirrilaxxaw ftit mill-miżuri”. Spjega li l-ewwel miżuri li jiġu rilaxxati għandhom x’jaqsmu mas-saħħa stess.

Dr Fearne spjega li bħala miżuri sabiex nilqgħu l-virus kellhom jittieħdu xi miżuri fil-qasam tas-saħħa fosthom naqsu l-operazzjonijiet, l-MRI, l-ultrasounds, screening u servizzi fil-komunità. Qal li huwa importanti li meta jibdew jitnaqqsu l-miżuri dawn ikunu fost l-ewwel li jidħlu lura. Kompla jispjega li jekk se nħallu fit-tul mingħajr dawn is-servizzi se naffaċċjaw problemi oħra relatati mas-saħħa.

Dwar kif se jiġu rilaxxati l-miżuri, Dr Fearne spjega li meta titneħħa miżura wieħed irid iħalli ftit ġimgħat biex jara l-impatt tagħha fuq is-soċjetà u jekk jiżdiedux il-każijiet bl-imxija tal-COVID-19. Qal li jekk l-għadd ta’ nies li jimirdu b’dan il-virus jiżdied b’mod allarmanti dawk il-miżuri li jkunu tneħħew jerġgħu jiġu implimentati.

Dwar is-sajf, Dr Fearne spjega li għadu ‘l bogħod u wieħed ma jistax jiddeċiedi fit-tul għax ma nafux x’se jiġri minn ġimgħa għal oħra.

Għal darb’oħra fakkar li li l-virus għadu jħuf magħna u tenna biex ħadd ma jieħu r-riedni f’idejh għax dak li rbaħna f’dawn il-ġranet b’tant sagriffiċju nitilfuh f’ħakka t’għajn.

Tista’ ssegwi l-intervista mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, kif ukoll il-programm Xarabank minn hawn.