Ambjent
Liema huma s-siti ta’ Natura 2000 u kif qed inħarsuhom?

L-34 sit ta’ Natura 2000 mifruxa madwar il-gżejjer Maltin huma parti mill-ġawhar naturali ta’ pajjżna li huma meqjusin ta’ importanza fuq livell internazzjonali, għaliex fost oħrajn huma fil-periklu, vulnerabbli, rari jew endemiċi tal-post.

TVM tkellem ma’ Stephen Saliba mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi dwar l-irwol tal-Awtorità li tissorvelja u tipproteġi s-siti ta’ Natura Elfejn, f’Malta, Għawdex, Kemmuna u Filfla.

Ir-Ramla l-Ħamra, Ta’ Ċenċ, Wied il-Mielaħ, Kemmuna, Filfla u l-Buskett huma fost it-34 sit ta’ Natura 2000 fuq l-art fil-gżejjer Maltin.

Dawn is-siti huma protetti bħala riservi naturali minħabba l-ambjent uniku tagħhom li ma jinsab imkien iktar madwar id-dinja, kif ukoll għax iservu bħala ambjent għall-diversi ħlejjaq.

Stephen Saliba mill-Awtorità Tal-Ambjent u r-riżorsi li hija responsabbli minn dawn is-siti huma parti minn katina ta’ siti protetti madwar l-Ewropa.

“L-iskop huwa li jinħoloq network għalhekk ngħidu netwerk ta’ Natura Ewropew fejn kull pajjiż jagħmel sett ta’ siti għall-importanza ekoloġika li għandhom fuq livell Ewropew, jiġifieri mhux biss Fuq livell nazzjonali u għalhekk hemm ċerti kriterji li jridu jintleħqu qabel sit jiġi identifikat bħala Natura 2000.”

Is-sur Saliba qal li biex sit jiġi dikjarat bħala Natura 2000, fih irid ikun hemm jew speċi rari jew li bil-preżenza tagħhom, l-ekosistema li għadha fl-aħjar tagħha u għandha tiġi protetta u konservata.

“L-iskop ukoll huwa li jkun hemm impenn biex dawn il-pajjiżi jagħmlu diversi miżuri li ħalli l-istat ta’ konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi jkun imtejjeb bi żmien. Fejn dan l-istat ta’ konservazzjpni huwa diġà tajjeb l-iskop huwa li mantnuh u nżommuh kif inhu.”

Biex dawn is-siti jkunu konservati is-sur Saliba qal li l-attività tal-bniedem, filwaqt li mhix projbita, trid tkun minima u ssir b’sensittivita kbira.

“Għalhekk meta jiġu proposti xi attivitajiet jew proġetti, dawn iridu jiġu assesjati b’mod xjentifikament biex naraw x’impatt jistgħu iħallu fuq l-ambjent. Ovjament l-ERA tieħu mbagħad id-direzzjoni fejn ċertu impatti jistgħu jiġu mitigata u oħrajn ma jiġux permessi.”

Żied jgħid li parti mill-irwol tal-Awtorità huwa wkoll li tisorvelja dawn is-siti kontinwament, għax jekk tinqered speċi din mhux dejjem tkun tista’ tiġi rkuprata u taf tinqered kompletament.

“Dawn huma riżorsi naturali li tant kemm huma importanti li Malta għandha l-obbligu anki fuq livel internazzjonali li tħares, u Malta għandha wkoll l-obbligu li tirraporta u timoniterja s-sitwazzjoni ta’ dawn l-ispeċi.”

L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi appellat lil pubbliku biex ikun sensittiv lejn l-ambjent u jinforma lill-Awtorità meta jara attivitajiet li jagħlu ħsara lil ambjent, biex jiġi protettet dan il-wirt naturali li żviluppa fuq eluf ta’ snin.