Liema kien l-aktar mument diffiċli għall-Profs Charmaine Gauci fl-2020?

Waqt ‘Popolin’ ġiet mistiedna wkoll il-Professur Charmaine Gauci, l-persuna fuq fomm kulħadd tant li ngħatat ukoll ġieħ ir-repubblika għax-xogħol kbir li sar rigward il-pandemija Covid19. Il-Professur spjegat li kienet sena diffiċli għal kulħadd, biss ir-rispons tal-poplu Malti kien inkoraġġanti ħafna. L-istess rispons kellu rwol kruċjali biex inżamm kontroll fuq l-imxija ta’ dan il-virus qattiel.

Żiedet tgħid li l-iktar mumenti diffiċli kienu meta raw persuni jitilfu ħajjithom kawża tal-istess virus, għaliex temmen li kull min miet kawża tal-pandemija, miet qabel iż-żmien. “Inkwetajt, meta bdejt nara n-numri ta’ nies infettati jiżdied u meta smajt persuni jaħsbu li dan il-virus mhux virus serju, għaliex bdejt naħseb fir-riperkussjonijiet” qalet il-Professur Gauci. Mistoqsija mill-preżentatur x’kienet taħseb meta spiċċat f’nofs kontroversji politiċi, qalet li għandha rispett kbir lejn dawn il-persuni u li tgħallmet ħafna mingħandhom għaliex kellu jintlaħaq bilanċ bejn is-saħħa tal-poplu Malti u fatturi oħra essenzjali għall-bniedem bħax-xogħol, l-ekonomija u l-edukazzjoni.

Il-Professur Gauci saħqet li l-vaċċin kien l-isbaħ rigal tal-milied li bħala poplu stajna nirċievu għaliex huwa pass importanti biex nersqu aktar viċin lejn in-normalità. Mistoqsija mill-preżentatur x’inhi l-opinjoni tagħha rigward il-lista sħiħa ta’ kummenti kontra l-istess vaċċin, il-Professur qalet li minn dejjem kienu jeżistu persuni li jkunu xettiċi rigward kull tip ta’ vaċċin li jinħoloq, qalet li dan xettiċiżmu kien mistenni. Żiedet tgħid lir-raġuni għalfejn ġie skopert vaċċin daqshekk malajr hija l-investiment enormi li saru, kemm finanzjarji kif ukoll dawk teknoloġiċi u xjentifiċi. Tenniet biex kull min għandu xi mistoqsijiet jew dubji rigward il-vaċċin, għandu jkellem lill-awtoritajiet tas-saħħa, biex dawn jispjegawlhom aħjar u jiċċarawlhom id-dubji li jkollhom.

“Nixtieq li kif tgħaddi l-pandemija, nkunu nistgħu nkompli niffukaw fuq setturi oħra biex intejbu s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi. Għal din is-sena kellna pjanijiet biex naħdmu fuq oqsma oħra li huma importanti ħafna għas-saħħa tal-poplu. Minn din l-esperjenza tgħallimna ħafna u nixtieq li b’dak kollu li tgħallimna nkomplu naħdmu biex intejbu s-saħħa pubblika” temmet tgħid il-Professur Gauci.

 

Popolin