Ippjanar u bini
Liema kienet il-lokalità bl-ikbar ammont ta’ permessi għall-iżvilupp fl-2020?

Matul is-sena li għaddiet l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet iżjed minn 7,785 permess, bil-parti l-kbira minnhom ikunu f’San Pawl il-Baħar. Ċifri li kiseb TVM juru li l-iktar li nħarġu permessi kienu għal appartamenti, segwiti minn maisonettes.

F’intervista ma’ TVM, iċ-Chairperson tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, Martin Saliba, qal li mqabbel mas-sena 2019 kien hemm tnaqqis ta’ 20 fil-mija fl-ammont ta’ deċiżjonijiet li ħarġet l-Awtorità. Min-naħa l-oħra qal li matul is-sena l-oħra kien hemm applikazzjonijiet li l-awtorità kienet ilha ma tara minnhom, u semma fost l-oħrajn żvilupp mill-ġdid ta’ bini ta’ lukandi kbar.

Il-biċċa l-kbira tal-permessi maħruġa s-sena li għaddiet, 350, kienu f’San Pawl il-Baħar, segwiti minn 308 f’Birkirkara u 296 permess f’Ħal Qormi. Kien hemm għadd sostanzjali ta’ permessi wkoll fil-Mosta, b’262 permess matul is-sena li għaddiet.

Ċifri li TVM kiseb mill-Awtorità tal-Ippjanar juru li l-maġġoranza tal-permessi li ħarġu s-sena l-oħra kienu għal appartamenti, b’total ta’ 6,272 permess. L-iżjed lokalità li għaliha nħarġu permessi għall-appartamenti kienet San Pawl il-Baħar, segwiti mill-Gżira, Birkirkara u Tas-Sliema.

Iċ-Chairperson Martin Saliba qal li dawn iċ-ċifri juru tnaqqis fl-ammont ta’ deċiżjonijiet meta mqabbel mas-sena 2019. “Kien hemm tnaqqis inkwantu ta’ deċiżjonijiet bejn wieħed u ieħor ta’ 20 fil-mija. Jekk nikkumparaw mas-snin ta’ qabel din ix-xejra ta’ tnaqqis kienet tinħass mis-sena 2019 u l-2018. Mill-2016 konna qed inżidu l-applikazzjonijiet, konna qed inżidu anke d-deċiżjonijiet… Wieħed jista’ jifhem li laħaqna l-massimu ta’ kemm l-awtorità rċeviet applikazzjonijiet fl-2018 u issa qed naraw xejra ta’ tnaqqis gradwali mill-2019 ‘l hawn.”

Is-Sur Saliba qal li għalkemm kien hemm tnaqqis f’firxa t’applikazzjonijiet, is-sena l-oħra kien hemm domanda għal applikazzjonijiet li l-Awtorità tal-Ippjanar kienet ilha ma tara bħalhom. “Is-sena li għaddiet rajna applikazzjonijiet li ilna ma narawhom fosthom hemm żvilupp ta’ bini mill-ġdid ta’ lukandi importanti li għandna fil-pajjiż. Bejn wieħed u ieħor hemm xi 5 applikazzjonijiet li bħalissa qegħdin naraw u nistudjaw u dan iwassal anke f’fiduċja fl-investitur għall-futur u għall-kwalita’ u t-titjib fil-prodott turistiku tagħna.”

Wara l-permessi tal-appartamenti, matul is-sena li għaddiet nħarġu l-iktar permessi għal maisonettes, b’total ta’ 664. Hawnhekk ukoll l-iżjed li nħarġu permessi kien f’San Pawl il-Baħar b’43 u ż-Żurrieq b’38 permess.

Matul is-sena li għaddiet ukoll nħarġu permessi għal djar li jammontaw għal 284, bl-iktar lokalitajiet fejn l-iżjed li nħarġu dawn il-permessi kienu f’Ħ’Attard, 31, segwiti min-Nadur u l-Għarb b’21 u 20 permess rispettivament.

B’mod ġenerali, is-sur Saliba qal li huwa fatt li San Pawl il-Baħar hija żona li għadha qed tattira żvilupp ġdid u fejn hemm domanda għal iktar żvilupp.