Xandir
ARA: Liema kienu l-iktar stejjer li ħallew marka fuq l-2020?

Kien hemm diversi avvenimenti li ħallew marka fuq is-sena li waslet biex tintemm, mhux b’inqas il-Covid-19.

Matul l-aħħar xhur tvm.com.mt pprovda aġġornamenti kontinwi lill-pubbliku bi stejjer li jvarjaw mit-tħabbira ta’ każijiet ta’ Covid-19 f’Malta u l-vittmi li ħallew, miżuri restrittivi li ddaħħlu minn żmien għal żmien, esperjenzi ta’ dawk li missew mal-Covid-19, kif ukoll analiżi ta’ effetti sekondarji bħal ma huwa t-tnaqqis tat-tniġġis fl-arja.

Barra dawn iżda kien hemm stejjer oħra li mmarkaw l-2020, fosthom traġedji bħal dik ta’ Miram Pace, li mietet midfuna taħt it-terrapien ta’ darha li ġġarrfet f’Santa Venera.

Każ ieħor li wkoll kompla jiżvolġi matul il-lejl kien dak tal-qtil doppju f’Tas-Sliema, fejn crew ta’ TVM kien fuq il-post u kompla jwassal l-aħħar aġġornamenti sat-tard.

Missew ukoll il-qlub stejjer umani bħal dawk taċ-ċkejkna Zakishya, li titlob lill-Bambin biex itawlilha sieqha, jew ta’ tfajla li għaddiet minn tbatija minħabba komunità Nisranija li trawmet fiha.

Waħda mill-iktar stejjer esklussivi li ħalliet impatt kienet dik tar-raħħal f’San Ġiljan li qabad raġel jidħollu fir-razzett biex ikollu rapporti sesswali man-nagħaġ. L-istorja qajmet dibattitu dwar il-psikoloġija wara l-bestjalità u l-liġijiet li jistgħu jirregolawha.

Ħarsa lejn dawn l-istejjer u oħrajn ingħatat waqt TVAM illum. Segwi fil-filmat:

Għandek storja li tixtieq taqsam magħna, jew inzertajt fuq xena ta’ inċident? Agħmel kuntatt magħna permezz tal-indirizz elettroniku [email protected] jew permezz tal-paġna ta’ Facebook Television Malta.