Budget2022
Liema miżuri se jolqtuk? Il-baġit 2022 mad-daqqa t’għajn

Fost l-iktar miżuri li spikkaw fil-baġit imħabbar illejla mill-Ministru għall-Finanzi, kien hemm dik dwar trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd, żieda fil-pensjonijiet u estensjoni ta’ in-work benefits u childcare b’xejn, kif ukoll skemi ta’ għajnuna fix-xiri tal-proprjetà.

Din hija daqqa t’għajn lejn dawn l-iskemi u oħrajn:

Pensjoni u għajnuna oħra

Pensjonanti tal-irtirar, tar-romol, tal-invalidità u dawk li jirċievu l-pensjoni mhux kontributorja tal-età ser jibbenefikaw minn żieda ta’ €260 fis-sena jew €5 fil-ġimgħa, li minnhom €1.75 huma ż-żieda għall-għoli tal-ħajja u €3.25 hija ż-żieda addizzjonali.

Persuni miżżewġa jew koppji li d-dħul tagħhom fl-2022 ma jaqbiżx l-€14,318 ser ikunu qed jirċievu żieda fil-benefiċċju li tvarja bejn €3.47 u €6.50 fil-ġimgħa skont id-dħul tagħhom.

Persuni waħidhom, inkluż romol, li d-dħul tagħhom fl-2022 ma jaqbiżx l-€10,221 ser jieħdu żieda ta’ bejn €4.10 u €5.00 filġimgħa.
Se jogħla l-massimu ta’ dħul minn pensjonijiet għal €14,318, biex mill-ġdid iż-żidiet fil-pensjonijiet ma jkunux intaxxati, minbarra li tinżamm l-eżenzjoni attwali għall-koppji b’pensjoni b’komputazzjoni ta’ miżżewġin.

Se tkun aġġustat b’mod gradwali r-rata tal-pensjoni tar-romol biex tkun l-istess bħal tal-konjuġi tagħhom meta jiġu nieqsa, u b’hekk dawk li jirċievu l-pensjoni tar-romol u li d-dħul tagħhom ma jaqbiżx l-€10,221 ser jirċievu bejn €10 u €15 f’żidiet fil-ġimgħa.

Se tiżdied għal darb’oħra b’€200 l-ammont ta’ pensjoni tas-servizz li jiġi injorat fl-assessjar tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali biex b’hekk is-somma eżentata s-sena d-dieħla ser titla’ għal €3,066.

B’mod gradwali, il-bonus għall-għoli tal-ħajja ser jibda jitħallas sħiħ lill-pensjonanti kollha li rtiraw wara l-2008 biex igawdu minn żieda massima ta’ €130 fis-sena.

Se tingħata wkoll żieda ta’ €150 fil-bonus annwali għal persuni li laħqu l-età tal-irtirar iżda ma jikkwalifikawx għall-pensjoni għax ma kellhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet.

Se tiżdied b’€50 l-Għotja għall-Anzjani li għadhom jgħixu fil-komunità jew f’dar tal-anzjani privata għal dawk l-anzjani fl-età ta’ 80 sena jew aktar, biex din tiżdied għal €400 fis-sena.

Mediċini u trattamenti ġodda fil-formularju tal-Gvern

Se jkun estiż il-formularju tal-Gvern għall-mediċini b’xejn biex jinkludi, fost oħrajn, mediċini tal-onkoloġija, psikjatriċi, mard taċ-ċirkolazzjoni, tal-mard rari u l-IVF. Trattamenti ġodda jinkludu dawk tal-osteoporożi, tal-anafilassi, u mard infjammatorju.

Mis-sena d-dieħla, ser jibdew ikunu eliġibbli awtomatikament għall-għajnuna medika bla ħlas, jew il-Karta r-Roża, dawk l-anzjani kollha ta’ 80 sena jew aktar u li jirċievu l-Għajnuna Supplimentari għax id-dħul tagħhom ikun taħt ċertu ammont.

Għotjiet għat-tfal u persuni b’diżabbiltà – se jiżdied il-bonus tat-twelid jew adozzjoni

Se jiżdied il-bonus li jingħata mat-twelid ta’ tarbija jew adozzjoni b’€100, biex b’hekk minn €300 ser jitla’ għal €400.

Se jiżdied l-Allowance għal Tfal b’Diżabilità b’€5, biex b’hekk l-allowance ser togħla għal €1,560 fis-sena.

Se tiżdied ukoll l-Għotja għal Carer ta’ persuna b’diżabilità severa, bi €300 minn €200 għal €500, waqt li l-Carer at Home għall-anzjani se jiżdied minn €6,000 għal €7,000 fis-sena.

Mill-banda l-oħra se tiżdied ir-rata ta’ sussidju tal-iskema Home Helper of Your Choice biex minn sussidju ta’ €5.50 fis-siegħa titla’ għal €7 fis-siegħa.

Ser jiżdied il-benefiċċju tal-Carer at Home minn €6,000 għal €7,000 fis-sena.

Ser jingħata wkoll il-kumpens sħiħ għall-għoli tal-ħajja għal persuni fuq l-Assistenzi Soċjali.

Kumpens għal inġustizzji, wirt u ħlas ta’ bolol

Se jkunu allokati wkoll madwar €11-il miljun biex jiġu kkumpensati taħt tliet skemi dawk li sofrew inġustizzji fl-imgħoddi.

Ser jitressqu emendi fil-liġi għal dawk li jkunu wirtu wara li bdew jirċievu l-pensjoni mhux kontributorja u jkunu ilhom jirċevuha għal mill-anqas ħames snin, fejn il-limitu tal-kapital biex ma titwaqqfilhomx il-pensjoni ser jitla’ minn €23,300 għal €50,000 għall-miżżewġin u minn €14,000 għal €30,000 għall-persuni waħidhom.

Barra minn hekk, donazzjonijiet sa total massimu ta’ €20,000 li jsiru lill-ulied b’mod formali u legali u anke donazzjoni tal-arja tal-propjetà tal-pensjonant, ser jibdew jiġu esklużi mill-kalkolu tal-kapital tal-pensjonant.

Dawk li ħallsu mill-anqas 10 snin bolol imma għadhom mhux intitolati għall-pensjoni għax ma ħallsux bolol minn Jannar 1979 ’il quddiem ser jibdew jikkwalifikaw għall-ekwivalenti tal-anqas rata tal-pensjoni taż-żewġ ta’ madwar €50 fil-ġimgħa.

Persuni li skont rekords uffiċjali kienu f’impjieg qabel it-twaqqif tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ iżda ma nstabx ħjiel li tħallsu bolol, biex ikunu jistgħu jħallsu sa mhux aktar minn ħames snin bolol nieqsa. L-istess ċans se jingħata lil dawk li jkunu laħqu 59 sena, li jkollhom xi kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali neqsin u li jkunu qed jirċievu l-Pensjoni tal-Invalidità.

Tista’ tibda titħallas il-bolla tas-sigurtà soċjali fuq aktar minn xogħol part-time wieħed sa massimu ta’ 40 siegħa xogħol fil-ġimgħa.
Persuni taħt il-61 sena li jgħixu mal-ġenituri tagħhom u jirċievu l-Pensjoni għall-Invalidità jistgħu jibbenefikaw mill-Għajnuna 16 Medika jekk jissodisfaw għadd ta’ kundizzjonijiet.

Se jiinneħħew ir-restrizzjonijiet legali għal persuni li jġarrbu diżabilità kawża ta’ korriment fuq il-post tax-xogħol u li jibqgħu jaħdmu biex kemm idumu jaħdmu u jieħdu l-Pensjoni għal Korriment fuq ix-Xogħol ma jkollhomx tnaqqis minn benefiċċji futuri.

Fondi għal tfal vulnerabbli fl-iskejjel u vawċers għall-occupational therapy privata għat-tfal

Se tingħata għotja b’medja ta’ €10,000 fis-sena lil kull kap ta’ skola tal-istat biex tfal bi problemi soċjali ma jkunux neqsin minn affarijiet bħall-ikel jew riżorsi bażiċi.

Mis-sena d-dieħla l-istipendji tal-istudenti kollha se jiżdiedu b’10 fil-mija, u l-istipendju se jibqa’ jingħata lil dawk l-istudenti li waqt li jkunu qed jistudjaw, jaħdmu sa massimu ta’ 25 siegħa fil-ġimgħa.

Għas-sena skolastika li jmiss, se jkun hemm aktar skejjel fejn l-istudenti se jkunu qed jagħmlu l-eżamijiet tas-SEC fl-istess skejjel li jkunu jattendu skola u b’hekk jonqos ftit l-istress peress li l-istudenti jkunu qed jagħmlu l-eżamijiet f’ambjent li huma jafu.

Tħabbar ukoll li se jibda program ta’ mmodernizzar u investiment ta’ apparat modern f’180 laboratorju tax-xjenza li jinsabu fl-iskejjel.

Intant, ittejbet l-iskema ta’ eżenzjoni u traħħis għax-xiri ta’ vetturi għall-persuni diżabbiltà biex iktar jibbenefikaw minnha.

Ġenituri ta’ tfal b’diżabilità mit-twelid sa 5 snin li jeħtieġu s-servizz ta’ Occupational Therapy se jirċievu vawċers biex jintużaw f’servizz ta’ occupational therapy fil-privat.

Ser ikun qed jiġi introdott Community Hub fit -Tramuntana ta’ Malta, fejn persuni b’diżabilità jistgħu jirċievu taħriġ speċjalizzat fuq l-għajxien indipendenti.

Ser tinxtara vettura “drive from wheelchair” biex persuni b’diżabilità jkollhom aċċess għal tagħlim tas-sewqan ukoll.

Dawk minn 30 sena ‘l fuq ukoll jistgħu jibdew igawdu mill-iskema ta’ equity sharing biex jixtru dar

Bl-iskema Nikru biex Nassistu madwar 680 familja se jingħataw appartament tal-akkomodazzjoni soċjali.

Fl-2022 ser jibda jopera l-ewwel programm ta’ akkomodazzjoni interġenerazzjonali b’ madwar 80 resident – anzjani u żgħażagħ – f’binja waħda.

L-iskema Equity Sharing miftuħa għal persuni li għandhom minn 40 sena ’l fuq, fejn il-Gvern jidħol għal massimu ta’ 50% tal-propjetà, issa se tiġi estiża għal persuni li għandhom minn 30 sena ’l fuq.

Bi ftehim mal-Arċidjoċesi ta’ Malta, il-Gvern ser ikun qed jagħti €300,000 fis-sena biex il-Fondazzjoni tal-Akkomodazzjoni Affordabbli tiddisinja programmi ta’ akkomodazzjoni affordabbli u tassigura provvista permanenti.

Titnaqqas bin-nofs ir-rata ta’ taxxa fuq bejgħ u xiri ta’ propjetà mikrija lil dawk li jgawdu mill-Benefiċċju tal-Kera

Il-Gvern ser inaqqas ir-rata ta’ taxxa bin-nofs fuq il-bejgħ jew ix-xiri tal-propjetà sal-ewwel €200,000 li tkun ġiet mikrija għal mhux inqas minn għaxar snin lill-inkwilini li jkunu eliġibbli għall-Benefiċċju tal-Kera, b’rati affordabbli maħruġa mill-Awtorità tad-Djar.

B’rabta mal-kirjiet ikkontrollati, il-valur tal-propjetà li fuqu hemm sussidju fuq xogħlijiet ta’ adattament strutturali biex jiġi evitat periklu fi djar suġġetti għal kera ta’ qabel l-1 ta’ Ġunju 1995, ser jitla’ għal €250,000. B’hekk ser ikun qed jingħata sussidju li jlaħħaq €25,000.

Se jibda jingħata in-work benefit lil dawk li jaħdmu ħinijiet atipiċi u jiġi estiż l-in-work benefit għall-ġenituri

Se jsir ċensiment tal-ħiliet tal-ħaddiema u jkun aġġornat b’mod diġitali, biex id-domanda għax-xogħol timtela minn ħaddiema Maltin imħarrġa għalih.

Se jibda jingħata €150 f’in-work benefit fis-sena għal dawk il-ħaddiema li għandhom paga bażika li ma teċċedix l-€20,000, u li jaħdmu ħinijiet atipiċi jiġifieri, filgħaxijiet, fi tmiem il-ġimgħa u bix-xift mal-privat f’dawn is-setturi: akkomodazzjoni u servizzi tal-ikel, servizzi amministrattivi u ta’ sapport, manifattura, trasport u ħażna u bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut.

L-In-Work Benefit se jkun estiż għal koppji fejn it-tnejn jaħdmu, bil-limitu tad-dħul ser jitla’ minn €35,000 għal €50,000 fis-sena, għal koppji fejn wieħed mill-ġenituri jaħdem, il-limitu se jitla’ minn €26,000 għal €35,000 fis-sena, u għal ġenituri waħidhom li jaħdmu il-limitu ser jitla’ minn €23,000 għal €35,000.

Dawk il-ħaddiema li l-paga bażika tagħhom ma taqbiżx €20,000 fis-sena u li ma għandhomx pożizzjoni maniġerjali, ser jibdew jiġu intaxxati bil-15% fuq l-ewwel €10,000 dħul mill-overtime.

Intant, t-taxxa fuq id-dħul għall-part-timers se tonqos minn 15% għal 10%.

Għal 5 snin li ġejjin, bis-sena d-dieħla tkun l-ewwel waħda, id-dħul mill-pensjoni mhux ser jibqa’ jiġi kkalkulat bħala dħul għall-fini tat-taxxa.
Iċ-ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa se jiżdied u jsir bejn €60 u €140.

Dawk il-ħaddiema li huma impjegati mal-kuntratturi li jipprovdu xogħol lis-settur pubbliku, il-Gvern ser ikun qed iħallas doppju għas-sigħat ta’ xogħol li jinħadmu fil-Ħdud.

Estensjoni ta’ child-care għal ġenituri li jaħdmu bix-xift

Dawk il-ġenituri li jaħdmu filgħaxijiet, fi tmiem il-ġimgħa u bix-xifts, se jkollhom is-servizzi ta’ childcare b’xejn estiż.

Iż-żieda għall-għoli tal-ħajja għas-sena d-dieħla ser tkun ta’ €1.75 fil-ġimgħa. Tħabbar li fil-ġranet li ġejjin il-Gvern se jiltaqa’ mal-istakeholders dwar mekkaniżmu ġdid li jaħdem indipendentament mill-COLA f’ċirkostanzi fejn l-inflazzjoni titla’ ’l fuq sew.

Titneħħa t-taxxa kollha fuq ix-xiri ta’ djar antiki

Għal propjetajiet li ilhom mibnija għal aktar minn għoxrin sena u huma vakanti għal aktar minn seba’ snin, għal propjetajiet li huma f’UCA u għal dawk il-propjetajiet ġodda li jinbnew bi stil u arkitettura tipika u tradizzjonali Maltija, ser titneħħa t-taxxa tal-Capital Gains u t-taxxa tal-boll b’mod komplut fuq l-ewwel €750,000 tal-prezz tal-propjetà.

First-time buyers li jixtru dawn it-tip ta’ propjetajiet ġewwa Għawdex ser jirċievu grant bil-valur doppju jiġifieri €30,000.

Għal dawk li ser jixtru jew li diġà għandhom dawn it-tip ta’ propjetajiet ser tingħata ukoll għotja fuq il-valur tal-VAT imħallas sa massimu ta’ €54,000 għal fuq l-ewwel €300,000 fi spejjeż ta’ restawr u rfinar.

Ser tkun estiża għal sena oħra l-iskema ta’ tnaqqis fittaxxa tal-boll għall-first-time buyers, second time buyers u x-xiri ta’ propjetà f’Għawdex.

Masġar fil-park tal-Inwadar u tħaddir ta’ diversi nħawi oħra

Se jsir masġar fil-park nazzjonali tal-Inwadar fuq medda ta’ 5 snin b’investiment ta’ €20 miljun, li jkopri wkoll l-immaniġġjar tiegħu u l-ħarsien tal-biodiversità.

Se jibda r-restawr tal-ġonna f’diversi lokalitajiet, u restawr ta’ diversi pjazez u spazji miftuħa fil-qalba tal-lokalità, kif ukoll qed isiru spazji akbar bħalma huma l-Park tal-Familja f’Bengħajsa u r-riġenerazzjoni tal-Park tal-Familja f’Marsaskala, Ġnien Kottoner u l-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar.

Intqal li ser tintensifika l-ħidma biex ikunu kompluti diversi fażijiet millproġett tal-Park Nazzjonali f’ Ta’ Qali, waqt li l-grawnd tax-Schreiber f’Pace Grasso se jinbidel fi spazju miftuħ għall-komunità.

Se jissokta l-proġett tax-shore-to-ship fil-Port il-Kbir u se jkunu ppubblikati wkoll is-sejħiet għall-offerti b’rabta mal-proġett shore-to-ship fil-Port Ħieles.

Se jitqassam ukoll starter-kit bi prodotti sostenibbli għat-trabi lill-ġenituri li jkollhom wild ġdid.

Trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd u żieda fuq l-għotja għal vetturi elettriċi

Mill-ewwel ta’ Ottubru tas-sena d-dieħla, il-Gvern se jibda jipprovdi Trasport Pubbliku b’xejn lil kull Malti u Għawdxi u nies residenti f’Malta u Għawdex. Dan ifisser li l-ħaddiem li ta’ kuljum juża t-trasport pubbliku, ser jiffranka ’l fuq minn €300.

L-għotja finanzjarja biex ikun inċentivat ix-xiri ta’ vetturi ġodda li jaħdmu bl-elettriku jew inkella Plug-In Hybrids ser tiżdied bi €3,000 minn għada għal €11,000, u titla’ sa €12,000 f’każ li se tiġi użata l-iskema tal-iskrappjar tal-vetturi wkoll.

Se tiżdied ukoll b’€1,000 l-għotja finanzjarja fuq skrappjar ta’ vetturi f’Għawdex li jħammġu f’Għawdex.

Ser titnieda skema ġdida fejn vetturi bħal minibuses, coaches u trakkijiet li fuqhom jiġu installati l-pannelli fotovoltajiċi, jingħataw għotja sa massimu ta’ €900.

F’inizjattiva għal carbon farming se jingħataw għotjiet sa massimu ta’ €8,000 biex jiġu inċentivati bdiewa li għandhom raba’ agrikola li mhix tinħadem, jew li bħalissa hija barra mill-produzzjoni jew taħt produzzjoni b’valur baxx sabiex jaqilbuha f’sistemi ta’ Agroforestrija bbażata fuq siġar tal-frott.

Se titħabbar sistema ġdida għall-kontijiet tal-ARMS, fejn il-konsumaturi ser ikunu qed iġemmgħu l-units orħos li ma jużawx biex imbagħad ikunu jistgħu jużawhom f’perjodi fejn ikollhom konsum ogħla.

Il-monitoraġġ regolari u kontinwu tal-livell taz-zokkor fit-tfal li jbatu mid-Dijabete Tip I se jkun estiż

Ir-‘Remote Patient Monitoring’ li jwettaq monitoraġġ regolari u kontinwu tal-livell taz-zokkor fit-tfal taħt is-sittax-il sena li jbatu mid-Dijabete Tip I se jkun estiż gradwalment għaż-żgħażagħ ta’ bejn is-17 u l-21 sena.

Għas-sena d-dieħla, il-proġett tal-bini l-ġdid tal-Outpatients kif ukoll ix-xogħol f’diversi Ċentri tas-Saħħa intqal li ser jibqgħu prijorità.

Se jsir investiment fl-estensjoni tal-proġett tal-bini ta’ bank tad-demm ġdid, flimkien ma’ ċentru speċjalizzat għall-kollezzjoni tad-demm, ipproċessar u l-ħażna tat-tessuti u ċelloli staminali.

Ser jsir investiment ukoll fl-infrastruttura tad-Dipartiment tal-Inċidenti u l-Emerġenza u l-Medical Imaging Department kif ukoll fit-tielet Cardiac Catherisation Suite.

Ser isir ukoll investiment f’MR Linac, – liema tagħmir ser ikun qed joffri kura avvanzata f’dan il-ġeneru ta’ trattament kif ukoll kura fi żmien iqsar, għal ċerti tipi ta’ kanċer.

Faċilitajiet ġodda għall-isport

Minbarra investiment f’divesi faċilitajiet għad-dilettanti tal-qdif, Sport Malta ser tinvesti wkoll f’rowing tank nazzjonali.

Magħdud ma’ dawn il-pjan għal faċilità tal-motorsport b’investiment ta’ €20 miljun.

Fl-2023, Malta se tkun qed tospita l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fejn din is-sena diġà bdew jitqassmu madwar €7 milun f’fondi.

7.5% taxxa fuq id-dħul għall-artisti

Ir-rata ta’ taxxa tad-dħul għall-artisti ser tkun ta’ 7.5% u ser tkun tapplika mis-sena bażi ta’ 2022 fuq medda ta’ tliet snin.

Ivvutati €2 miljun oħra biex tissaħħaħ l-iskema ta’ għajnuna għal ‘seats’ li ma jkunux jistgħu jinbiegħu b’restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija.

Se tinħoloq ukoll skema ta’ għajnuna għal proġetti artistiċi indipendenti li ser titmexxa mill-Kunsill Malti għall-Arti b’€2 miljun oħra.

Fil-qasam tax-Xandir ser jitkompla l-investiment mill-PBS għal TV House moderna, ser ikun hemm investiment għal palk tat-televiżjoni u l-iżvilupp ta’ Malex House biex tilqa’ fiha kamra tal-aħbarijiet ġdida.

Estiż is-servizz ta’ Community Policing f’iktar lokalitajiet

Matul din is-sena se jsiru l-ewwel sett ta’ ftehim kollettivi għal Korpi Dixxiplinati biex 5,000 ħaddiem ikollhom kundizzjonijiet tax-xogħol aqwa u drittijiet ġodda.

Ser jiġi estiż is-servizz tal-Community Policing f’diversi lokalitajiet inkluż f’Ħaż-Żabbar, ix-Xgħajra, Marsaskala, San Ġwann, Ħaż-Żebbuġ, il-Gżira, l-Imsida, Tal-Pietà, il-Mosta, l-Imġarr, iż-Żurrieq, Ħal Safi u Ħal Kirkop.

Ser jibda jinbena l-ewwel ċentru rijabilitattiv tax-xorta tiegħu fil-konfini tal-faċilità korrettiva ta’ Kordin għal madwar 140 persuna.

Fil-qasam tal-annimali, matul is-sena d-dieħla l-Gvern se jibdew jesploraw l-possibbiltà li jinfetaħ rehoming centre modern għall-adozzjoni tal-annimali, inkluż annimali li jgħixu fit-toroq.