Divertiment
Liema restoranti se jagħtuk vawċer ieħor ma’ kull wieħed li tonfoq?

Iktar kmieni llum tħabbar li restoranti membri tal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) se jagħtu vawċer ieħor lill-klijent għal kull vawċer li jonfoq għandhom.

Bosta persuni għalhekk qed jistaqsu liema huma r-restoranti li se jkunu qed joffru dan l-inċentiv.

Matthew Pace, Segretarju tal-ACE, qal lil TVM li l-lista tar-restoranti se tkun ippubblikata fil-ġranet li ġejjin. Huwa esprima l-fehma li apparti l-istabbilimenti li kkommettew ruħhom għal din l-offerta, se jkun hemm oħrajn li jaddottawha wkoll.

Sadanittant, fi stqarrija maħruġa llejla, l-Assoċjazzjoni ħeġġet lill-pubbliku biex meta jibbukkja mejda, jew inkella qabel ma jpoġġi ma’ mejda ta’ restorant, jistaqsi jekk ir-restorant hux qed jagħti din l-offerta.

Ħeġġet ukoll biex min ma jkunx jista’ jattendi jinforma lir-restorant biex jikkanċella l-mejda li jkun ibbukkjalu ħalli b’hekk ikun qed jgħin lis-settur.

L-ACE żiedet li kellha reazzjoni pożittiva ħafna mill-pubbliku għal dan l-inċentiv, u fakkret li l-iskema se tkun marbuta b’termini u kundizzjonijiet li jkunu stampati fuq in-naħa ta’ wara tal-vawċer.

Ara wkoll:

Se joffru voucher ieħor għal kull wieħed li jintefaq fir-restoranti