COVID-19
Lil min kienu jitolbu l-Maltin ta’ dari meta jintlaqtu mill-mard?

Matul is-snin, Malta ntlaqtet minn diversi mard infettiv; mill-pesta għall-kolera.

F’mumenti ta’ għawġ ta’ dan it-tip, il-Maltin irrikorrew lejn tliet qaddisin magħrufa bħala protetturi kontra l-pesta u forom oħra ta’ mard: San Bastjan, Santu Rokku u Santa Rożalija.

Kif tidħol fil-Bażilika tal-Assunta fil-Mosta, l-ewwel artal fuq il-lemin hu ddedikat lit-tliet qaddisin protetturi kontra l-pesta u mard infettiv.

Mark Micallef Perconte qal li l-kwadru fuq l-artal juri lil Santu Rokku, San Bastjan u Santa Rożalija. Il-kwadru tpitter fl-1677 u kien jifforma parti mill-knisja l-qadima tal-Mosta.

”Wisq probabbli skont l-iskrizzjoni taħt il-figura ta’ Santa Rożalija, kien wegħda ta’ qassis. Dak iż-żmien kien sar sena wara l-flaġell tal-pesta u għalhekk naħsbu li kien wegħda ta’ qassis.”

Madwar Malta, id-devozjoni lejn dawn il-qaddisin hi mifruxa sew; b’mod partikulari lejn Santu Rokku. Ir-riċerkatur Tony Terribile semma kif f’diversi postijiet fejn hemm statwi, niċeċ, toroq, kwadri, kappelli u knejjes iddedikati lil wieħed mill-qaddisin protetturi kontra l-pesta.

”Fil-Knisja tal-Ġiżwiti hemm kwadri tat-tliet qaddisin. Kwadru u kappellun fil-knisja parrokjali taż-Żurrieq ta’ Mattia Preti u għandhom fratellanza li għadhom jagħmlu purċissjoni madwar ir-raħal. Kellna wkoll purċissjonijiet votivi bħala radd il-ħajr li l-poplu Malti ħareġ mill-gwaj.”

Tony Terribile qal li f’Ħal Qormi, wara li l-poplu nħeles mill-pesta, wera d-devozzjoni lejn wieħed mill-qaddisin fil-knisja l-antika u l-istatwa ta’ San Bastjan li tinsab quddiemha. Fl-aħħar jiem, fil-knisja l-antika ġiet esposta r-relikwa ta’ San Bastjan u diversi poġġew xemgħat taħt l-istatwa li hemm barra, jitolbuh jinterċedi għall-poplu fis-sitwazzjoni diffiċli kkaġunata mill-COVID-19.

Is-Sur Terribile qal li fost il-wegħdi li saru fi żminijiet bħal dawn fl-imgħoddi hemm il-purċissjoni tar-Redentur fl-Isla li ssir qrib il-festa tal-Qalb ta’ Ġesù li għadha tiġi organizzata sal-lum. Irrefera wkoll għal purċissjoni li kienet issir bejn il-Belt u l-Floriana.

”Għandna kwadri ta’ San Bastjan u Santu Rokku fil-knisja ta’ Sarrija mibnija fi żmien l-Ordni u dari kienet issir purċissjoni votiva li kienet titlaq minn San Ġwann il-Belt għall-knisja ta’ Sarrija u hemm, hemm żewġ kwadri sbieħ ta’ Mattia Preti.”

Waqt li l-qima lejn San Bastjan u Santu Rokku hi aktar mifruxa, id-devozzjoni lejn Santa Rożalija hija qawwija l-aktar f’Palermo, bil-festa tagħha ċċelebrata fil-15 ta’ Lulju.

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Diversi żoni f’Malta illejla intfew, bil-għan li nsalvaw l-enerġija. Din l-inizjattiva, li hija waħda favur l-ambjent, kienet mifruxa mad-dinja, u ingħatat l-isem ta’ Earth Hour. F’Malta saret mill-NGO Żibel, u…

COVID-19

Ħames persuni nqabdu jiksru l-kwaraninta obbligatorja u ġew immultati tliet elef ewro kull wieħed. B’kollox saru 421 spezzjoni fl-aħħar 24 siegħa. Minn mindu bdew l-ispezzjonijiet, 40 persuna nqabdu jiksru l-kwarantina…

COVID-19

Intervistat fuq l-aħbarijiet ta’ Television Malta l-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, qal li l-Prim Ministru Robert Abela għal xi raġuni qiegħed jgħid li dan mhuwiex lockdown, meta fi kliemu, id-Deputat Prim…

COVID-19

Fi żmien ta’ ansjetà residenti ta’ triq fil-Fgura ħarġu bl-idea li jorganizzaw ċelebrazzjoni mużikali mill-gallariji biex iferrħu lil xulxin. U waqt li l-festi din is-sena mhux ser isiru, il-bandisti ta’…

Aktar